Aġġornata (2): Summit UE: Qbil dwar l-immigranti wara sigħat ta’ diskussjoni

Read in English.

Wara diskussjonijiet li damu għaddejja propju sas-sigħat bikrin ta’ dalgħodu, is-summit tal-Unjoni Ewopea wassal għal qbil dwar x’għandu jsir sabiex tissolva l-problema tal-immigrazzjoni li ħolqot firda bejn l-istati membri.

S’issa mid-diskussjonijiet ħarġu numru ta’ wegħdiet li jinkludu t-tisħiħ tal-fruntieri esterni u l-possibiltà ta’ ċentri ġodda għall-immigranti.

Il-laqgħa li damet għaddejja propju madwar disgħa sigħat irrimarkat kif iż-żieda fl-immigrazzjoni li bdiet lura fl-2015 qed tkompli toħloq l-inkwiet fiż-żona, minkejja li naqsu n-nies li qed jaħarbu l-kunflitti mill-Lvant Nofsani u l-Afrika.

Il-laqgħa qed iseħħ fi żmien ta’ kriżi politika, fejn il-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel tinsab taħt pressjoni politika f’pajjiżha u l-Gvern ewroxettiku Taljan qed iwaqqa’ kull tip ta’ pjan li ma jilħaqx l-iskopijiet tiegħu.

Waqt li tkellmet mal-ġurnalisti fil-5am, Merkel ippruvat tkun pożittiva u spjegat li huwa sinjal pożittiv li l-mexxejja irnexxielhom jaqblu fuq test komuni dwar il-problema kontroversjali tal-immigrazzjoni.

Madanakollu rrimarkat li għad hemm bżonn ħafna aktar xogħol sabiex jaslu għal qbil finali u komuni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte sostna li l-Italja m’għadiex waħedha f’din il-battalja kontra l-immigrazzjoni.

Intant, il-President Franċiż Emmanuel Macron sostna l-kooperazzjoni Ewropea rebħet.

Fl-aħħar dikjarazzjoni, il-mexxejja qalu li ntlaħaq ftehim sabiex jiġu stabbiliti siti konġunti għall-proċess tal-ażil, u li jkun hemm restrizzjonijiet ta’ kif l-immigranti jimxu fl-Unjoni Ewropea. Għamluha ċara li dawn il-wegħdiet iridu jiġu mwettqa mill-istati membri fuq bażi volontarja.

Intlaħaq ukoll ftehim sabiex ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-fruntiera esterna u żieda fl-iffinanzjar għat-Turkija, l-Marokk u stati oħra fit-Tramuntana tal-Afrika sabiex jipprevjenu l-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Reuters ħareġ id-dettalji tal-ftehim li ħareġ wara l-laqgħa li tista’ ssibu hawnhekk.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega li s-summit wassal għal qbil li kull bastiment li qed jopera fil-Mediterran għandu jirrispetta l-liġijiet applikabbli u ma jostakolax ix-xogħolijiet tal-gwardjani tal-kosta Libjana.