Estradit lejn ir-Renju Unit wara li ġie arrestat f’Malta

police.uk

Read in English.

Christopher Guest More Jr ġie estradit lejn ir-Renju Unit wara li s-sena li għaddiet kien nstab f’Malta wara li ħareġ mandat t’arrest Ewropew għalih.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-Ħadd li għadda, l-awtoritajiet Maltin kienu involuti f’ħidma li permezz tagħha, Christopher Guest More Jr ittieħed mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Ir-raġel ġie estradit lejn ir-Renju Unit.

Il-Pulizija spjegat li l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu ajruplan Malta għal dan l-estradant li kien meqjus fost l-iktar persuna mfittxija fl-Ewropa u r-Renju Unit. Il-Pulizija ta’ Malta arrestat lil Christopher Guest More Jr b’mandat ta’ arrest Ewropew fis-6 ta’ Ġunju 2019. Huwa tilef battalja legali ta’ xhur biex ma jintbagħatx lura pajjiżu.

Il-ħidma tal-aħħar sigħat saret taħt sigurtà stretta bl-involviment tal-Pulizija, l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi u il-Forzi Armati ta’ Malta. Tat is-sehem tagħha wkoll fil-kordinazzjoni l-Aviation Security Malta – AVSEC.

More kien imfittex minħabba r-rabta tiegħu mal-omiċidju “brutali” ta’ missier f’razzett f’Cheshire fir-Renju Unit. F’Mejju ismu żdied mal-lista Ewropea tal-aktar persuni mfittxija. Skont il-Pulizija, is-suspettat għandu rabta ma’ Malta.

Skont il-Pulizija ta’ Cheshire, Christoper Guest More Jr huwa mfittex mill-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Brian Waters f’Tabley madwar 16-il sena ilu. Aktarx telaq mir-Renju Unit ftit wara l-inċident fid-19 ta’ Ġunju 2003.

Skont Sky News, Waters intrabat ma siġġu, inħaraq, ġie attakkat bi staple gun, intrabat rasu ‘l isfel, issawwat u ġie attakkat sesswalment b’ħadida. Din l-informazzjoni kienet ħarġet f’qorti fir-Renju Unit fl-2004. Fi tliet sigħat, Waters sofra 123 ferita.