Estiża l-kampanja tat-trasport pubbliku b’xejn

L-istudenti ta’ bejn 14 u 20 sena kif ukoll l-istudenti li għandhom iktar minn 21 sena u qegħdin jistudjaw full-time se jkunu jistgħu jagħmlu użu b’xejn mit-trasport pubbliku. L-inzjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn ġġib l-isem ta’ BUS20+ u kienet parti mill-baġit tal-2019.

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport Ian Borg li qal li l-iskema swiet €3.3 miljun u li qed tiġi estiża għat-tielet darba. Fl-2017 iktar minn 4,000 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ 18-il sena bbenefikaw minn investiment li sar ta’ €250,000 u li għamlu kważi 600,000 vjaġġ tul dik is-sena. Is-sena l-oħra, l-investiment kien ta’ €2.2 miljun u minnu bbenefikaw 24,000 żagħżugħ u żagħżugħa bejn is-16 u l-20 sena fi iktar minn 5.2 miljun vjaġġ.

Fi stqarrija l-Ministru Borg qal li l-Gvern huwa impenjat fuq is-sistemi tat-trasport ta’ Malta u spjega li permezz ta’ skemi simili jitnaqqas l-użu ta’ karozzi privati mit-toroq. Borg kompla jgħid kif il-Gvern qed jimbutta dan it-tip tat-trasport għall-ivjaġġar kif ukoll se jkompli jaħdem favur bidla neċessarja fil-kultura tat-trasport.

Borg tkellem ukoll fuq diversi inzjattivi oħra, fosthom l-grants li ngħataw lil sitt skejjel minn Transport Malta meta dawn ħarġu b’inzjattivi favur mezzi alternattivi. Semma’ wkoll il-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewwel strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu, fost oħrajn.

DOI / Jason Borg