Estiża l-iskema għal min jixtieq jinvesti f’solar farms

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi ħabbar kontinwazzjoni fl-iskema ta’ għajnuna fil-qasam tal-enerġija rinovabbli f’forma kompetittiva għal min jixtieq jinvesti f’solar farms ta’ daqs akbar minn 1 megawatt.  

Dan wara t-tnedija tas-Solar Farm Policy f’Ottubru tas-sena l-oħra, fejn kien hemm 13-il offerta—offerti li tlieta minnhom ġew allokati ftit anqas minn 15-il megawatt bejniethom.

Il-Ministru qal li fost oħrajn il-Gvern estenda grants għal familji li għażlu li jinvestu f’dan is-settur u b’hekk igawdu minn kontijiet tad-dawl orħos. Għajnuna ġiet ipprovdutha ukoll f’forma ta’ feed-in tariffs attraenti u garantiti għal 20 sena għas-settur kummerċjali u industrijali biex jinċentiva l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn sistemi ta’ pannelli tax-xemx.

“Bis-saħħa ta’ dan kollu, sal-aħħar tal-2017 ġew installati aktar minn 112-il megawatt li ġġeneraw madwar 155 gigawatt/hour, jew madwar 6.5 fil-mija tal-elettriku kkonsmat f’Malta. Però, dan mhux biżżejjed u fadal xi jsir sabiex Malta tilħaq il-miri tagħha”, saħaq il-Ministru Mizzi.

B’hekk, il-gvern qed ikompli jassigura li l-għajnuna tingħata bl-aktar mod trasparenti u effettiv, u konformi mar-regoli tal-Istate Aid tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, it-tariffi allokati kienu jvarjaw bejn 12.8c u 13.3c għal kull kilowatt-hour esportat lejn il-grid.

“Din flimkien ma’ miżuri oħra f’dan il-qasam, ikun ifisser li nkunu qegħdin nipproduċu 10 fil-mija tal-enerġija kkonsmata lokalment minn sorsi rinovabbli,” qal il-Ministru.