Estiża d-data għall-applikazzjonijiet għall-klassi ta’ reviżjoni tal-‘O’ Levels

L-applikazzjoni għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC b’xejn qed tiġi estiża s’għada sa nofsinhar. L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru s-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Wara li ħarġu r-riżultati tal-eżamijiet nhar it-Tnejn li għadda, il-Gvern ħabbar dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni li għal sena oħra, se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat fi tliet ċentri f’Malta (Mosta/Msida/Raħal Ġdid) u fir-Rabat Għawdex. Se jibdew fl-24 ta’ Lulju u jdumu sal-aħħar ta’ Awwissu. Studenti li għandhom bejn 15 u 24 sena li ġabu marka 6, 7, U jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin (il-Bijoloġija, l-Ingliż, il-Malti, il-Matematika u l-Fiżika) huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.

Aqra: Klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn għal dawk li m’għaddewx mill-‘O’ Levels

L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet sa massimu ta’ tliet suġġetti, inkluża għażla ta’ suġġett tax-xjenza (Bijoloġija jew Fiżika).

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC taħt il-Youth Guarantee Project wieħed jista’ jċempel fuq 2598 2280/1/2/3, iżur www.youthguarantee.edu.mt, jew iżur il-paġna ta’ Facebook – Youth Guarantee Malta.