Estiż iż-żmien għall-biljett imraħħas lill-anzjani, persuni b’diżabilità u t-tfal

Il-Malta Public Transport ħabbret li l-biljett ta’ sagħtejn għal 30 ċenteżmu għal dawk il-persuni li għandhom għall-anzjani, persuni b’diżabilità u t-tfal taħt l-għaxar snin se jiġi estiż sas-7 ta’ Lulju li ġej.
Id-Direttur Kummerċjali Daniel Grech qal li s-sistema l-ġdida tal-biljetti se tkun bidla kbira għal dawk il-persuni li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku.
Għalhekk il-persuni vulnerabbli, li għadhom ma rċevewx tallinja card se jingħataw aktar żmien biex jixtru dan it-tip ta’ biljett flok iħallsu €2.
Grech qal li kien hawn talba qawwija għal tallinja card iżda f’dawk l-aħħar jiem daħlu mat-30,000 applikazzjonijiet ġodda għall-card, biex issa huma kważi 140,000 dawk li applikaw għal tallinja card.
Il-Malta Public Transport qalet li aktar minn 100,000 card tqassmu sat-Tlieta b’servizz ieħor ta’ tqassim tal-cards wara nofsinhar.
Il-kumpanija qalet li l-kumplament tal-cards se jitqassmu fil-ġranet li ġejjin, bil-maġġoranza se jirċievu tallinja card qabel tmiem il-ġimgħa.
Daniel Grech qal li dawk il-persuni li rreġistraw sat-30 ta’ Ġunju u li iżda ma għadhom ma rċevewx il-card se jibbenefikaw mit-tariffi mraħħsa mill-1 ta’ Lulju għaliex se jkunu jistgħu jingħataw rifużjoni permezz ta’ formula li tista’ timtela onlajn, li tista tintbagħat bil-posta jew wieħed imur personalment.