Estiż iż-żmien biex tgħid x’taħseb dwar il-lobbying

Miguela Xuereb

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler estenda l-perjodu ta’ konsultazzjoni dwar il-proposti tiegħu biex jiġi regolat il-lobbying. Flok sal-aħħar ta’ April il-pubbliku għandu sal-aħħar ta’ Mejju biex jibgħat il-fehmiet tiegħu dwar il-proposti li tħabbru fi Frar li għadda.

Fit-28 ta’ Frar 2020, il-Kummissarju ħareġ dokument ta’ konsultazzjoni bi proposti dwar kif għandu jiġi regolat il-lobbying. Il-kelma “lobbying” tirreferi għall-isforzi min-naħa ta’ individwi u entitajiet privati biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-gvern għall-benefiċċju tagħhom.

Fosthom huwa qed jipproponi li din il-liġi għandha tobbliga lill-Ministri, Segretarji Parlamentari, u Kapijiet u d-Deputati kapijiet tas-segretarjati tagħhom li jniżżlu f’Reġistru tat-Trasparenza dettalji dwar kull komunikazzjoni (inkluż laqgħat) ma’ persuni involuti fil-lobbying. Il-Kummissarju bi ħsiebu jirrevedi l-proposti tiegħu fid-dawl tar-reazzjonijiet li jirċievi. Huwa mbagħad jippreżenta l-proposti riveduti lill-Gvern bħala rakkomandazzjonijiet formali skont l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kummissarju ppubblika wkoll sommarju tal-istess proposti f’dokument ta’ tmien paġni bil-Malti u bl-Ingliż. Tista’ taqra s-sommarju hawn: