Estensjoni San Vinċenz: Il-Gvern jgħid li mhux direct order; il-PN jara kontradizzjoni

Impressjoni artistika tal-estensjoni proposta għar-residenza ta' San Vinċenz de Paule

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva ċaħad kategorikament li kien hemm xi direct order ta’ €274 miljun fuq proġett ta’ estensjoni ta’ 500 sodda ġdida fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paule. B’reazzjoni għal rapport li deher f’The Times of Malta, is-segretarjat fi stqarrija ċċara li ma ngħata l-ebda direct order lil JCL & MHC Consortium, u li kollox sar skont ir-regoli u bl-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti.

Is-Segretarjat Parlamentari irrefera għal sejħa pubblika li ħarġet fl-10 ta’ Novembru 2015 fejn minn żewġ offerti sottomessi, l-offerta ta’ JCL & MHC Consortium kienet l-aktar vantaġġjuża skont il-kriterji stabbiliti. Ġie ċċarat li minkejja li ġiet kontestata darbtejn, fiż-żewġ okkażjonijiet ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni li ħa l-bord tal-evalwazzjoni li ġiet deskritta bħala “ġusta u trasparenti”.

Is-Segretarjat Parlamentari temm jgħid li l-faċilitajiet il-ġodda mistennija jibdew jiġu offruti lill-anzjani fi żmien tliet snin minn meta joħroġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar.

“Din hija kontradittorja mal-Gazzetta tal-Gvern stess” – PN

Intant b’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jiċċara minnufih il-fatti dwar il-proċedura għal din l-estensjoni.

Il-PN qal li qed jinnota li l-istqarrija tas-Segretarjat Parlamentari hija kontradittorja ma’ dak li ġie ppublikat mill-Gvern stess fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-20 ta’ Lulju 2018 fejn ġie ddikjarat li kien ġie approvat direct order għas-somma ta’ €273,649.

Il-PN irrefera għal dak li kien stqarr il-Ministeru tal-Finanzi li skontu ma kienx approva din id-direct order u kien talab rapport mid-Direttur tal-Kuntratti fuq dak li kien ġie rrapurtat fil-midja.

Għalhekk l-Oppożizzjoni qalet li f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba, l-Gvern għandu jispega minnufih x’wassal għall-għoti ta’ dan id-direct order. Il-PN staqsa wkoll għaliex ma ntalabx il-kunsens tal-Ministeru tal-Finanzi f’din is-sejħa.