Estensjoni ġdida tal-Awtorità dwar il-Mediċini fil-Life Sciences Park

DOI Kevin Abela

Fil-preżenza tal-familjari ta’ Michael Chetcuti, impjegat li kien jaħdem bħala assessur fl-Awtorità dwar il-Mediċini, ġiet inawgurata estensjoni tal-bini tal-Awtorità fil-Life Sciences Park f’San Ġwann.

DOI Kevin Abela

Chetcuti miet sitt xhur ilu u kien deskritt miċ-Ċermen tal-Awtorità il-Professur Anthony Seracino Inglott bħala assessur eżemplari u intelliġenti fil-mediċina.

Fiċ-ċerimonja tal-lum ġie spjegat li l-investiment estensiv jirrifletti l-espansjoni tar-rwol regolatorju tal-Awtorità dwar il-Mediċini skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea fi tħejjija għall-isfidi u l-opportunitajiet ippreżentati minn Brexit.

Il-Professur Seracino Inglott qal li d-Direttorat għall-Inizjattivi Xjentifiċi Avvanzati ġie stabbilit biex isaħħaħ is-settur xjentifiku tal-Awtorità u biex imexxi inizjattivi avvanzati li jseħħu f’Malta u fl-Ewropa, ewlenija fosthom ir-regolamentazzjoni tal-kannabis għall-użu mediku.

DOI Kevin Abela

Qal ukoll li għaddejjin diskussjonijiet ma’ stakeholders lokali u internazzjonali sabiex tiġi assigurata l-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti tal-kannabis mediċinali miż-żerriegħa sal-pazjent. Il-ħaddiema tal-Awtorità huma impenjatu wkoll bi proġetti oħra dwar ir-regolamentazzjoni xjentifika tat-tagħmir mediku u tal-mediċini veterinarji.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur Deo Debattista qal li l-Awtorità ġiet rikonoxxuta mill-European Regulatory Network u l-US Food and Drug Administration għall-istandards professjonali u xjentifiċi tagħha.