Estensjoni fl-irziezet tat-tonn; il-Gvern qed jakkomoda biss lill-ftit – AD

Fid-dawl tal-approvazzjoni riċenti biex jirdoppja d-daqs ta’ razzett eżistenti tat-tonn fil-kosta tal-Majjistral ta’ Malta, l-Alternattiva Demokratika (AD) iddikjarat li l-politika tal-Gvern qegħda hemm biss biex tipproteġi l-interessi kummerċjali kbar.

Il-kandidat għall-Kunsill Lokali tal-Mellieħa Luke Caruana qal li l-awtoritajiet mhux biss naqsu li jipproteġu l-ibħra, imma ħolqu aktar tniġġis li ġej mill-irziezet tal-ħut. Huwa qal li l-approvazzjoni biex ikunu estiżi l-irziezet tat-tonn mhix sorpriża għax il-politika attwali qegħda biss takkomoda l-interessi tal-ftit.

Il-kandidat għall-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala Daniel Desira qal li din it-tip ta’ politika hija ta’ ħsara mhux biss għall-industrija tat-Turiżmu, imma wkoll għar-residenti speċjalment dawk ta’ Marsaskala li jispiċċaw ma jistgħux igawdu baħar nadif.

Konġestjoni f’Birkirkara

Fi stqarrija, Il-kandidata tal-Alternattiva Demokratika għall-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara Anna Azzopardi qalet li jekk it-trasport pubbliku reġjonali bejn Birkirkara, il-Mosta, in-Naxxar, l-Imsida, Ħ’Attard, Ħal-Balzan, u Ħal-Lija jiġi organizzat sew, dan jista’ jnaqqas kwantità kbira ta’ karozzi mit-toroq u jservi ta’ inċentiv għal titjib sostanzjali fil-kwalità tal-arja.

Iċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo qal li l-lokalità tegħreq fl-ilma tax-xita minħabba li dawk li żviluppaw il-bini ma mxewx mar-regoli. Qal ukoll li hemm bżonn żona pedonali f’Birkirkara.