Estensjoni AUM: Ir-residenti jipprotestaw nhar il-Ħadd fil-Maċina

Read in English.

Ir-residenti tal-Kottonera se jipprotestaw nhar il-Ħadd li ġej fil-Mażina għall-iżvilupp propost bl-estensjoni tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM).

F’ittra mibgħuta lill-Membri Parlamentari tat-tieni distrett inkluż il-Prim Ministru, lill-Kunsilli Lokali u lill-Ministri Ian Borg u Owen Bonnici, ir-residenti ħeġġewhom jissapportjawhom fl-oġġezzjoni tagħhom kontra l-applikazzjoni għall-estenzjoni tal-kampus tal-AUM.

Din l-ittra ġiet mibgħuta ftit qabel il-laqgħa ta’ l-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-applikazzjoni (PA 07496/16) li ħa ssir fil-21 ta’ Novembru.

Minkejja li l-membri kollha tal-bord indikaw li ħa jivvutaw kontra dan l-iżvilupp fil-laqgħa li seħħet f’Settembru l-uffiċjal tal-każ xorta qed jirrakkomanda li l-iżvilupp jiġi approvat. Barra minn hekk, l-ebda pjanijiet ġodda ma ġew ssottomessi kif kien talab il-Bord.

L-ittra ġiet iffirmata wkoll minn disa’ għaqdiet fosthom Din L-Art Ħelwa, Flimkien Għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth [Malta], Futur Ambjent Wieħed, International Tree Foundation [Malta], Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, The Ramblers’ Association of Malta, Żminijietna – Voice of the Left.

“L-AUM se tisraq spazju miftuħ ieħor” – Moviment Graffitti

Ir-residenti tal-Isla, Bormla u l-Birgu għandhom l-appoġġ tal-organizzazzjoni Moviment Graffitti, fit-taqtigħa tagħhom kontra l-estensjoni tal-Università Amerikana, li se “tisraq spazju miftuħ ieħor lill-komunità.”

Fi stqarrija, il-Moviment ħabbar bi ħsiebu jattendi u jappoġġja bis-sħiħ il-protesta tar-residenti li ġiet imsejħa għal nhar il-Ħadd, 17 ta’ Novembru, u jħeġġeġ lir-residenti mill-Kottonera kollha joħorġu jsemmgħu leħenhom kontra dan il-proġett.

L-organizzazzjoni żiedet li jekk l-Awtorita’ tal-Ippjanar (PA) tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-estensjoni, tkun qed tippermetti inġustizzja kbira fil-konfront tar-residenti.