Estendu l-kura tal-coronavirus mal-immigranti – Nazzjonijiet Magħquda

Members of the Syrian Civil defence sanitize the Bab Al-Nour internally displaced persons camp, to prevent the spread of coronavirus disease (COVID-19) in Azaz, Syria March 26, 2020. REUTERS/Khalil Ashawi

Read in English.

Żewġ esperti tan-Nazzjonijiet Magħquda qalu, aktar kmieni din il-ġimgħa, li immigranti mingħajr dokumenti, persuni li qed ifittxu l-ażil, u vittmi tat-traffikar madwar id-dinja kollha għandhom jingħataw aċċess għall-kura tas-saħħa u l-benesseri tagħhom – minkejja l-istat legali tagħhom – sabiex dawn ikunu protetti matul il-pandemija tal-coronavirus.

Immigranti li jaħdmu f’setturi bħall-biedja jew setturi oħra li mhumiex ikkontrollati spiss ma jingħatawx protezzjoni kontra l-COVID-19, filwaqt li dawk li qed ifittxu l-ażil f’ċentri ffullati jew ċentri ta’ detenzjoni ma jistgħux jipprattikaw social distancing, skont rapporteurs speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Attivisti li jaħdmu madwar id-dinja qalu lil Thomson Reuters Foundation li huwa possibbli li immigranti irregolari li jimirdu – inkluż il-vittmi ta’ skjavitù moderna – ma jfittxux kura tas-saħħa minħabba li jibżgħu li jiġu esposti lill-awtoritajiet u b’hekk jinżammu, jiġu arrestati jew deportati mill-pajjiż.

“Id-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu ċentrali fir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 … ħadd m’għandu jintnesa f’din il-ġlieda globali,” qalu Felipe González Morales u Maria Grazia Giammarinaro, żewġ esperti tan-N.U. dwar l-immigrazzjoni u t-traffikar tal-persuni.

“Il-gvernijiet għandhom jadottaw miżuri li jiżguraw li kull individwu fit-territorju nazzjonali, irrispettivament mill-istat tal-immigrazzjoni tiegħu, għandu jkun inkluż u jkollu aċċess għas-servizzi tas-saħħa, sabiex nirnexxu bis-sħiħ fit-twaqqif tal-imxija tal-pandemija tal-COVID-19.”

Ix-xahar li għadda l-Portugall qal li l-barranin kollha li għandhom applikazzjonijiet pendenti għar-residenza – inkluż persuni li qed ifittxu l-ażil – se jiġu trattati bħal residenti permanenti tal-anqas sal-1 ta’ Lulju li ġej, sabiex ikun żgurat li l-immigranti jkollhom aċċess għal servizzi pubbliċi matul il-pandemija.

Madankollu, persuni Indjani li jaħdmu fil-kura tas-saħħa kkawżaw rabja l-ġimgħa l-oħra meta sprejjaw grupp ta’ immigranti bid-diżinfettant, filwaqt li madwar 1,000 immigrant Afrikan f’Malta tpoġġew taħt kwarantina mandatorja nhar il-Ħadd li għadda wara li nstabu tmien persuni infettati bil-CoVid-19 fil-kamp tagħhom.

L-esperti tan-Nazzjonijiet Magħqdua talbu wkoll biex skemi ta’ appoġġ għal immigranti vulnerabbli u vittmi tat-traffikar jiġu estiżi b’mod awtomatiku tal-anqas għal sitt xhur, biex ikun żgurat li dawn il-komunitajiet ma jitħallewx mingħajr għajnuna jew mingħajr protezzjoni.

Il-popolazzjoni globali ta’ immigranti u refuġjati laħqet iċ-ċifra ta’ 272 miljun is-sena li għaddiet, żieda ta’ 51 miljun matul dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li huwa maħsub li fid-dinja madwar 25 miljun persuna huma vittmi ta’ xogħol furzat, skont l-aħħar statistika tan-Nazzjonijiet Magħquda.