Estremisti militanti Hindu jfarrku kulleġġ tal-Ġiżwiti

Il-grupp tal-militanti Hindu ferħana wara li farrku l-kulleġġ.

Patri Thomas Kuzhively, Segretarju ta’ Kulleġġ tal-Ġiżwiti fl-Indja irrapport lill-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES li folla ta’ madwar 500 estremist militant Hindu attakkaw il-kulleġġ li jinsab fid-distrett ta’ Jharkahand fil-Lvant tal-Indja.

L-attakk seħħ fit-3 ta’ dan ix-xahar, ġimgħa biss wara attakk simili fuq kulleġġ ieħor – St John Berchmans, li jinsab 38 kilimetru bogħod minn waħda mill-bliet ewlenin fl-istat ta’ Jharkhand.  Dan il-Kulleġġ baqa’ magħluq għax fih hemm biss tifrik u l-pulizija ma ħadet ebda azzjoni dwar dak li seħħ.

Patri Thomas qal li l-attakk fuq it-tieni kulleġġ kien riżultat ta’ tilwima bejn xi student. Il-folla tal-estremisti marru fil-Kulleġġ armati b’armi, ktajjen, ħadid, skieken u pistol u sawwtu lit-tfal li kien hemm fil-hostel Loyola Adivasi.

Tnejn feruti serjament

Żewġt itfal subien sfaw feruti serjament u ħajjithom kienet salvata b’intervent f’waqtu mis-sorijiet li jaħdmu fil-Kulleġġ. Għalkemm issejħet ambulanza biex teħodhom l-isptar, il-folla ma ħalliet il-feruti jittieħdu l-isptar. Aktar tard il-pulizija ħadu lill-feruti fl-isptar ta’ Rajmahal.

Il-marmalja ppruvat ukoll tattakka sesswalment lill-bniet u l-membri nisa tal-istaff tal-Kulleġġ. Wieħed mill-patrijiet Ġiżwiti pprova jikkalma lill-estremisti iżda spiċċa b’daqqa fuq rasu. Il-Kap u l-amministrazzjoni tal-kulleġġ baqgħu xxukkjati u ma setgħu jagħmlu xejn.

Il-militanti l-farrku l-ħġieġ kollu tat-twieqi, għamlu ħsara f’pajpijiet u kanen, kif ukoll fis-sistema tal-elettriku u fl-għamara. Wara li farrku l-iskola marru fil-hostel u għamhekk ukoll wettqu diversi atti vandali. Huma serqu wkoll xi flus li kien hemm fil-kxaxen f’uffiċċju u tliet telefons ċellulari li kienu għall-użu tal-istudenti li jgħixu fil-hostel.

Tliet sorijiet, b’kuraġġ kbir, imblukkawlhom  il-grada ta’ ġewwa tal-hostel u ma ħallewhomx jitilgħu fis-sular ta’ fuq fejn kien hemm madwar 200 studenti moħbija fil-binja.

Pulizija feruti

Ħin wara waslu xi pulizija fil-post u ppruvaw iwaqqfu l-attakk iżda l-folla tal-militanti waddbitilhom il-ġebel u xi pulizija sfaw feruti. Wara erba’ siegħat ta’ ġlied u kaos, il-militanti tferrxu.

Sadattant il-Kulleġġ għamel rapport li fih ta l-ismijiet ta’ 26 student li dehru jmexxu l-folla tal-estremisti.  Il-Ġiżwiti stmaw  li l-ħsarat li saru jammontaw għal 1.5 miljun rupee u talbu li jittieħdu passi konkreti kontra l-ħatja.

L-awtoritajiet tal-Kulleġġ għamlu appelli lill-awtoritajiet ġudizzjarji, lill-Gvernatur u lill-Prim Ministru tal-istat ta’ Jharkjand kif ukoll lill-President tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet Umani u lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Minoranzi u talbu azzjoni mmedjata kontra l-aggressuri.

L-iskejjel tar-reġjun qed jippjana strajk ta’ protesta kontra dan l-attakk.