Esperti tas-saħħa Irlandiżi jipproponu lockdown

A coronavirus advice notice is seen next to an anti-bacterial gel dispenser in a college in Dublin, Ireland
REUTERS/Phil Noble

Read in English.

L-esperti tas-saħħa fl-Irlanda nhar il-Ħadd irrakkomandaw lill-gvern li l-pajjiż għal darboħra jimplimenta lockdown nazzjonali għal erba’ ġimgħat. Din ir-rakkomandazzjoni ġiet bħala sorpriża u se tkun qed tiġi diskussa mill-kabinett nhar it-Tnejn, skont żewġ sorsi tal-gvern. 

It-Tim ta’ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika Nazzjonali fl-Irlanda rrakkomanda li jiġu implimentati l-ogħla livell ta’ restrizzjonijiet tal-COVID-19, Livell 5. Bħalissa fl-Irlanda 24 minn 26 kontea qed japplikaw restrizzjonijiet tal-Livell 2, filwaqt li hemm miżuri aktar stretti ta’ Livell 3 f’Dublin u Donegal.

Matul il-pandemija, il-gvern kważi dejjem adotta kompletament il-pariri tal-kapijiet tas-saħħa, imma wieħed mis-sorsi qal li ritorn għal sitwazzjoni ta’ lockdown kien se jkollu impatt serju fuq l-ekonomija u s-soċjetà.

Il-Prim Ministru Micheal Martin u l-mexxejja taż-żewġ imsieħba tal-koalizzjoni se jiltaqgħu mal-uffiċjal mediku prinċipali tal-pajjiż nhar it-Tnejn, qabel il-laqgħa tal-kabinett biex jiddiskutu dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

Taħt Livell 5, in-nies huma mitluba li jibqgħu fi djarhom, ħlief biex joħorġu għall-eżerċizzju f’medda ta’ 5 kilometri, u jibqgħu miftuħa biss il-ħwienet essenzjali. B’differenza għall-ewwel lockdown, l-iskejjel u l-crèches mhux se jingħalqu. 

Bħall-parti l-kbira tal-Ewropa, l-Irlanda esperjenzat żieda qawwija fir-rata ta’ infezzjonijiet mill-aħħar ta’ Lulju wara li ħarġet bilmod minn wieħed mill-aktar shutdowns stretti fl-Ewropa. Nhar is-Sibt, il-pajjiż irraporta l-ogħla għadd ta’ każijiet ta’ kuljum mit-8 ta’ April.

Madankollu, it-total ta’ każijiet fl-Irlanda tul dawn l-aħħar 14-il ġurnata, li huwa ta’ 104.6 għal kull 100,000 persuna, huwa biss l-14 l-ogħla rata ta’ infezzjoni minn 31 pajjiż Ewropew sorveljati miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard.

Spanja, il-pajjiż Ewropew bl-agħar rata ta’ infezzjoni, għandu rata tliet darbiet ogħla minn dik tal-Irlanda, fejn minkejja t-twaqqif ta’ miżuri aktar stretti f’Madrid minn nhar il-Ġimgħa, ir-ristoranti, gyms u ħwienet xorta waħda jistgħu jiftħu b’limitazzjonijiet fuq l-għadd ta’ persuni li jistgħu jidħlu.

L-Irlanda għandha kapaċità ta’ sodod fl-isptarijiet relattivament baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej. L-għadd ta’ pazjenti tal-COVID-19 li ddaħħlu l-isptar tela’ għal 132, iżda matul l-ewwel lockdown f’April dan kien tela’ għal 881 persuna. 

L-organizzazzjoni kummerċjali ewlenija fl-Irlanda, Ibec, ireaġixxiet b’mod negattiv, u talbet li tiġi ppublikata l-evidenza li ssostni dan il-parir tas-saħħa.

“Mhuwiex aċċettabbli li wara sitt xhur għadna qed nirċievu linji gwida vagi u varjanti biex jiġu proposti restrizzjonijiet tant stretti,” qal f’dikjarazzjoni Danny McCoy, il-kap eżekuttiv ta’ Ibec.