Esplora jniedi l-Programm Edukattiv 2017 – 2018

Esplora nieda it-tieni edizzjoni tal-Programm Edukattiv uffiċjali għas-sena 2017-2018, issa li Esplora qed joqrob lejn egħluq is-sena mill-ftugħ tiegħu. Il-programm huwa ktejjeb li jservi bħala gwida għall-attivitajiet fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika, li ġew iddisinjati b’reqqa kbira, u li se jiġu offruti f’Esplora. Mibnija fuq l-esperjenza miksuba f’din l-aħħar sena, it-tim ta’ Esplora, immexxi miċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjena u t-Teknoloġija (MCST), Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, ħa ħsieb li jwassal esperjenza ta’ tagħlim li tħalli mpatt memorabli għal dawk kollha li jżuru Esplora.
Iċ-Ċermen qal li wara s-suċċess ta’ l-inklużżjoni ta’ attivitajiet STEAM is-sena l-oħra, kienet natural li din is-sena l-programm ikun mogħni bl-attivitajiet STEAM – forma ta’ tagħlim tas-seklu 21. Huwa sostna li “bla dubju din il-forma ta’ tagħlim mhix faċli iżda l-benefiċċji lejn is-soċjeta’ huma kbar. Il-viżitaturi li jieħdu sehem f’attivitajiet STEAM huma aktar kapaċi jagħmlu konnessjonijiet ma’ sitwazzjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum u b’hekk Esplora ma’ jibqax biss post fejn wieħed iżur biex jitgħallem iżda isir l-esperjenza sħiħa ta’ tagħlim fih innifsu.”
L-attivitajiet STEAM setgħu iseħħu permezz tal-kollaborazzjonijiet numerusi li Esplora qed jagħmel ma’ esperti fl-oqsma varji. L-attivitajiet jinkludu dawk b’tema, ftit minhom iseħħu fi tmiem il-ġimgħa, attivitajiet esklussivi bħat-Toi Toi kull nhar ta’ Ħadd, attivitajiet staġjonali, u avvenimenti fil-għaxija immirati lejn udjenza adulta.
Esplora joffri wkoll attivitajiet ta’ team building Science Quest u 8 programmi ta’ Żvilupp Professjonali Kontinwu għall-istudenti, edukaturi, dawk li jikkommunikaw ix-xjenza, u organizzajonijiet korporattivi li jixtiequ jżidu l-għarfien tagħhom fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza jew inkella li jixtiequ jagħmlu team building b’laqta xjentifika.