Esplora b’iżjed avvenimenti bil-lejl

Dis-sena, Esplora se jżidu l-avvenimenti bil-lejl. L-ewwel avveniment se jkun mixja paranormali f’Villa Bighi fit-13 ta’ Marzu.

Esplora huwa ċentru tax-xjenza interattiv, immirat biex iżid l-interess fix-xjenza. Skont stqarrija mingħand il-Gvern, huwa post għall-kull età u kull persuna, inkluż dawk b’diżabiltajiet viżibbli jew inviżibbli. L-operat ta’ Esplora inbidel, u l-impjegati ġew mħarrġa, sabiex ikun hemm esperjenza aħjar għal kulħadd.  

Dis-sena b’mod partikolari, l-avvenimenti huma mmirati biex ikun hemm iżjed nies li jinteressaw ruħhom fix-Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika (STEM).

Infatti, is-sena bdiet b’Expo għall-Karrieri STEM li rat daqs 25 entità. Dan ifisser li tfal u familji kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ professjonisti fl-oqsma diversi ta’ STEM.

Kull xahar se jkun hemm tema ġdida l-Esplora. Marzu se jkun dedikat għall-ġisem uman. Esplora se toffri xows tax-xjenza jisimhom Me My Body and I Inside the Teenage Mind. Dan apparti minn film fil-pjanetarju li jismu Cell Cell Cell. April se jkun dedikat għall-ispazju filwaqt li Mejju għall-bidla fil-klima.