Esperti Taljani biex jeżaminaw l-istat tal-Pro-Katidral tal-Anglikani

L-assessjar tal-istat li jinsab fih il-Pro-Katidral tal-Anglikani fil-Belt Valletta se jsir minn esperti Taljani.
L-esperti Taljani ġew f’Malta biex jeżaminaw u jaraw kif inhu l-aħjar mod biex isalvaw il-kampnae, għoli 60 metru, li huwa ikoniku mal-Belt Valletta.
Xogħlijiet minn Triq Marsamxett bejn it-Tlieta u l-Ħamis
L-istess stqarrija avżat ukoll li dan ix-xogħol mit-Taljani se jsir bejn it-Tlieta u l-Ħamis li ġejjin u mistennija li joħolqu xi inkonvenjent minħabba li l-krejn se tkun ipparkjata fi Triq Marsamxett.
Kelliem għall-proġett saħaq li f’dawn it-18-il xahar ta’ ħidma biex jiġi restawrat il-Pro-Katidral huma kommessi biex iżommu l-inkonvenjent għar-residenti mill-anqas li jistgħu.
It-tim mill-kumpanija SOING se jużaw mezzi teknoloġiċi biex jidentifikaw xquq u sinjali ta’ instabbiltà fil-kampnar li setgħu żviluppaw matul dawn l-aħħar 175 sena.
It-Taljani se jkunu qed jaħdmu taħt id-direzzjoni tal-kumpanija Maltija Architecture Project (AP) li ġiet afdata bil-proġett arkitettoniku.
Ix-xogħlijiet qed ikunu ffinanzjati minn kampanja li bdiet fi Frar tal-2017 biex jiġi salvat il-Pro-Katidral ta’ San Pawl li l-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar fl-aħħar snin.
Il-Prinċep Charles għamel donazzjoni personali, li ma kinitx żvelata, filwaqt li l-produttur teatrali il-biljunarju Sir Cameron Mackintosh,li għandu dar fil-Belt Valletta, għamel id-donazzjoni ta’ €100,000.
Madankollu, għad fadal ammont sostanzjali biex tintlaħaq il-mira tal-kampanja li hi ta’ €3 miljun.