Esperti tal-liġi tal-IT jippubblikaw linji gwida dwar il-coronavirus

Photo/File Photo

Read in English.

Il-Malta IT Law Association (MITLA) ippubblikat linji gwida immirati biex jindirizzaw it-tensjoni li qamet bejn normi legali, prinċipji etiċi u r-rekwiżiti tas-saħħa pubblika meta wieħed jiġi biex juża għodda diġitali biex jiġġieled kontra l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija, MITLA spjegat li d-dokument iservi bħala indikazzjoni tal-problemi dwar il-privatezza li huma fundamentali meta wieħed jaħseb li jiżviluppa apps li jużaw data minn mowbajls għall-pandemija. Id-dokument jista’ jintuża bħala gwida minn dawk kollha li huma involuti fl-ikkrear u d-disseminazzjoni ta’ din l-għodda, preferibbilment fil-fażi fejn dawn ikunu qed jiġu ddisinnjati, irrimarkat il-MITLA.

Teknoloġiji ġodda jistgħu jinvolvu metodi ta’ sorvejlanza ġodda li jistgħu jwasslu għal impatt fuq valuri soċjali bħall-privatezza. MITLA rrimarkat li l-għodda diġitali għandhom irwol importanti fil-pandemija hekk kif jistgħu jintużaw biex wieħed jimmudella l-mod kif il-virus qed jinfirex fil-pajjiż, l-impatt soċjo-ekonomiku, il-moniteraġġ ta’ distanzjar fiżiku u l-għajnuna fejn tidħol il-contact tracing.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-gvern ħareġ app li tintuża permezz tal-internet li tippermetti lill-utenti jiċċekkjaw ir-riskji tagħhom ta’ coronavirus. L-app ma tintużax biex wieħed isegwi jew jidentifika l-utenti. MITLA qalet li filwaqt li din kienet żviluppata mill-bord tas-saħħa fl-Estonja, u kien bidu tajjeb, diġà bdew ħerġin xi problemi biha.

L-assoċjazzjoni qalet li filwaqt li l-app tas-self assessment ma kinitx iddisinjata għall-contact tracing, tista’ tkun essenzjali biex tirrefletti din it-tip ta’ eventwalità. Fakkret li kemm il-Kummissjoni Ewropea u wkoll il-Bord Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data qalu li meta jiġu implimentati, wieħed għandu jevita li jipproċessa d-data tal-lokalità minn fejn ġejja l-applikazzjoni.

“Kull għodda diġitali żviluppata trid tkun konformi mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza fl-Unjoni Ewropea. Biex app tkun konformi mal-GDPR, l-awtur tal-app irid jidentifika min hu d-data controller.”

Il-Kummissjoni Ewropea temmen li l-għodda diġitali għandhom ikunu ddisinnjati b’tali mod li l-awtorità nazzjonali tas-saħħa tkun id-data controller. Xi ħaġa bħal din twassal biex l-utenti jafdaw aktar l-użu tagħha.

MITLA qalet li dan ifisser li jkun assigurat li l-għodda qed titnuża biss għall-użu intenzjonat għaliha.

Aqra d-dokument sħiħ minn hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn