Esperti ta’ YouTube b’taħriġ b’xejn f’Malta

Esperti minn YouTube se jkunu f’Malta biex joffru taħriġ b'xejn għall-artisti u n-negozji Maltin f’attività li qed tiġi organizzata mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
L-artisti Maltin li jużaw YouTube qed jiġu mħeġġa biex jattendu b’xejn sabiex itejbu l-kwalità fl-użu ta’ din il-pjattaforma.
L-attività tnediet llum fil-kampus tal-Università ta’ Malta fil-Belt Valletta, fl-istess post fejn se jsir taħriġ b’xejn għall-Maltin nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll Enrico Bellini, uffiċjal għoli ta’ Google, li faħħar l-inizjattiva ta’ Zammit Dimech.  
Qal li l-komunità tal-YouTubers f’Malta tlaħħaq l-4,000 persuna.
Il-YouTube għandu sistema fejn channels li jibdew jikbru fil-popolarità, jidħlu f”Partnership Programmes’ fejn l-artisti jibdew jitħallsu għall-views li jkollhom. Programmi li f’Malta sa issa għadhom mhumiex disponibbli għall-Maltin.
Ġie mħabbar ukoll li l-petizzjoni li nbdiet minn Fabian Borg biex Google jirrikonoxxi lil Malta f’dan il-programm, se tiġi ppreżentata minnu stesswaqt l-attività li se ssir f’Malta. Sa issa aktar minn 3,000 persuna ffirmaw din il-petizzjoni inkluż il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Tista’ tiffirma l-petizzjoni hawnhekk.