Filmat: ​Esperti ta’ Google għal Malta biex jgħinu lill-imprendituri Maltin

L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia qalet li l-attività Growing and Thriving Online, se ġġib flimkien għadd ta' imprendituri Maltin u barranin li rnexxilhom ikabbru n-negozju tagħhom onlajn.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Comodini Cachia stiednet lill-imprendituri Maltin biex jattendu għall-attività biex jiksbu informazzjoni siewja ta' kif jistgħu jkabbru n-negozju onlajn.
Tkellmet ukoll dwar l-iżbilanċ fix-xogħlijiet, fejn il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li s-settur teknoloġiku se jkollu bżonn aktar minn 800,000 ħaddiem. Saħqet li l-Maltin huma kapaċi jidħlu f'dan il-qasam.
Fost il-kelliema għall-konferenza tal-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm l-Ewroparlamentari Michal Boni, Paul Doyle u Caroline Paris, li hija blogger Maltija.
Il-Membru Parlamentari Maltija qalet ukoll li din l-attività qed issir f'kollaborazzjoni ma' Google u għalhekk se jkun hemm tliet esperti li se jaqsmu l-esperjenzi u l-kontribuzzjoni tagħhom mal-Maltin.
L-attività Growing and Thriving Online se ssir nhar il-Ġimgħa 15 ta' Lulju fil-lukanda Westin bejn l-10am u t-3pm.