Esperti se jmexxu kors ġdid ma’ St John Malta dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti

Dan il-kors ġdid online se jipprovdi l-għodda meħtieġa biex il-parteċipanti jifhmu – u jirribattu – il-konflitt ibbażat fuq l-identità

Read in English.

Il-fergħa tat-taħriġ ta’ St John Malta għadha kif wessgħet il-firxa tagħha ta’ taħriġ speċjalizzat fl-ewwel għajnuna billi nediet kors ġdid online li jindirizza l-qasmiet fis-soċjetà li għandhom ħabta jwasslu għall-konflitti.

Flimkien mal-korsijiet ta’ taħriġ li diġà toffri, din l-organizzazzjoni volontarja qed iżżid kors ġdid jismu ‘Conflict Resolution – Addressing Divisions of Identity’, li għalih qed taħdem f’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Identità u l-Iżvilupp Kulturali (OICD). Dan il-kors esklussiv, imfassal mill-Istitut OICD, se jiggwida lill-parteċipanti jifhmu kif l-identitajiet jikkreaw il-konflitt, u dwar x’jista’ jsir biex wieħed jirribatti u jipprevjeni l-preġudizzju, id-diskriminazzjoni, il-mibegħda u l-persekuzzjoni.

“L-assoċjazzjoni St John Malta tinsab ferħana li bħala parti mill-programm ta’ taħriġ tagħha tista’ toffri l-kors speċjalizzat tal-OICD, li se jkun interessanti għal kull min ifittex li jkattar il-koeżjoni, il-paċi u l-armonija ma’ dawk li jaħdem magħhom jew li jservi ta’ kuljum,” qal James Cilia, Kummissarju – St John Training. “Billi għamilna dan il-kors uniku aktar aċċessibbli u affordabbli lokalment, aħna qed inwettqu l-missjoni tagħna ta’ St John, ċjoè li nippromwovu s-saħħa fiżika, mentali u spiritwali, u l-benesseri fil-komunità. Il-fatt li qed noffru dan il-kors f’ħidma mal-OICD ifisser li qegħdin naħdmu mal-ogħla livell ta’ professjonisti.”

Is-sessjonijiet online interattivi tal-kors se jitmexxew minn għalliem tal-OICD, espert u kkwalifikat fil-qasam, u se jesploraw l-identità u r-riżoluzzjoni tal-konflitt permezz ta’ diskussjonijiet fi gruppi żgħar, logħob ta’ rwol, eżerċizzji ta’ soluzzjoni tal-problemi, kontenut multimedjali, u lectures qosra. Filwaqt li l-kors se jkun limitat għal mhux aktar minn 12-il parteċipant, m’hemmx rekwiżiti formali biex wieħed jidħol, u huwa ideali għal professjonisti u persuni li jkollhom x’jaqsmu mal-pubbliku f’setturi bħal dawk tas-saħħa u s-servizzi umani, kura soċjali, għajnuna umanitarja, żvilupp tal-komunità, diplomazija, ospitalità, valutazzjoni tal-impatt, u politika soċjali.

“L-OICD hija kuntenta ħafna li qed toffri dan il-kors bi sħab ma’ St John Malta. B’hekk qed nagħmlu aktar aċċessibbli l-għarfien tagħna dwar it-tema tal-identità, waqt li nagħtu l-għodda direttament f’idejn il-prattikanti biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-konflitt b’mod effettiv,” spjega l-Prof. Bruce White, Direttur tal-OICD. “Il-parteċipanti tal-kors se jitgħallmu kif bosta diviżjonijiet fis-soċjetà li jikkawżaw konflitt – dawk etniċi, razzjali, reliġjużi, politiċi jew ekonomiċi – għandhom l-għeruq tagħhom fi kwistjonijiet ta’ identità. Min jipparteċipa se jingħata l-ħiliet neċessarji biex jirribatti dawn il-forzi negattivi fil-ħajja ta’ kuljum u b’hekk tinħoloq perspettiva pożittiva u li ssawwar il-paċi.”

Bħala Organizzazzjoni Volontarja Reġistrata, St John Malta tinkorpora St John Ambulance (First Aid & Nursing), St John Rescue Corps, u St John Training, u għaldaqstant toffri mhux biss servizzi vitali għall-komunità f’ambulanzi, infermerija, salvataġġ u tifi tan-nar, imma anke taħriġ fl-ewwel għajnuna, tifi tan-nar, salvataġġ tal-ħajja, u salvataġġ fl-ilma.

Il-korsijiet ta’ taħriġ kollha ġew adattati biex jiġu mwettqa bla periklu u b’mod sikur fir-rigward tal-COVID-19, u dan billi se jittellgħu virtwalment jew inkella f’postijiet fejn il-miżuri kollha neċessarji jistgħu jiġu stabbiliti biex jipproteġu kemm il-parteċipanti kif ukoll l-għalliema.

Bi prezz imnaqqas ta’ €50 biss kull persuna, il-kors ‘Conflict Resolution – Addressing Divisions of Identity’ ma’ St John Malta se jsir fuq tliet sessjonijiet, waħda kull ġimgħa, ta’ tliet sigħat il-waħda. Il-parteċipanti li jsegwu l-kors b’suċċess se jirċievu ċertifikat maħruġ minn St John Malta u l-OICD. Id-dħul kollu mill-korsijiet ta’ taħriġ jintuża minn St John Malta biex issostni s-servizzi li tipprovdi għall-komunità u mill-OICD għall-iżvilupp tal-programm edukattiv tagħha dwar il-paċi u l-koeżjoni.

Il-kors ‘Conflict Resolution – Addressing Divisions of Identity’ ma’ St John Malta se jsir nhar ta’ Tlieta filgħaxija mis-17 ta’ Novembru (mis-6 sad-9pm). Kors sħiħ jikkonsisti fi tliet serati jew 9 sigħat ta’ tagħlim b’kollox. Il-kors se jingħata bil-lingwa Ingliza. Il-parteċipanti jrid ikollhom minn 18-il sena ’l fuq u jistgħu jirreġistraw online minn hawn. Kumpaniji jew organizzazzjonijiet interessati huma ġentilment mitluba jikkuntattjaw lil St John Training permezz ta’ email fuq training@stjohnmalta.org sabiex isiru arranġementi għal taħriġ fi gruppi. Aktar informazzjoni dwar l-OICD tista’ tinstab online fuq www.oicd.net.