Read in English.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li esperti mediċi, li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 xogħolhom kellu jitwarrab għall-ġenb biex jiffukaw fuq il-pandemija, qed jintalbu biex jerġgħu jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltajiet oriġinali tagħhom.
Din kienet parti mit-tweġiba tal-Ministeru għas-Saħħa għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk Dr Kenneth Grech tneħħiex mill-irwol ta’ koordinatur tal-Covid-19 fil-qasam tas-saħħa pubblika, wara li rrakkomanda kawtela dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-btajjel tal-Milied. Dan wassal biex l-għalliema strajkjaw għal jumejn.
Il-kelliema għall-Ministeru spjegat li peress li qed joqrob iż-żmien stipulat għall-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa, u biex il-Gvern jipprevjeni milli jitlef miljuni ta’ Ewro f’fondi Ewropej, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jitolbu lill-esperti mediċi biex imorru lura għar-responsabiltajiet oriġinali tagħhom. Fissret li dan biex jassiguraw il-fondi għall-qasam tas-saħħa f’Malta. Żiedet tgħid li l-Uffiċjal Mediku Ewlieni talab l-ispeċjalizzazzjoni ta’ Dr Kenneth Grech biex jiġi aċċertat li l-istrateġija miexja kif ippjanat.
“Minħabba li d-deadlines resqin u ma rridux li nitilfu xi flus, qegħdin inpoġġu lil kulħadd lura fix-xogħol oriġinali tiegħu”, qalet il-kelliema.
Kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ċaħdu li Dr Grech tkeċċa. Ċaħdu wkoll li t-tibdil fl-irwol ta’ Grech hu b’xi mod marbut mal-istrajk tal-għalliema. Huma kienu qed jagħtu l-kummenti lill-ġurnalisti huma u deħlin il-Parlament ftit qabel l-4pm.
Kienu bosta l-unjins u l-NGOs li kkritikaw dak li ġara. Professjonisti tas-saħħa esprimew ir-rabja tagħhom meta tkellmu ma’ Newsbook.com.mt. Kien hemm min qal li wara l-laqgħa mal-MAM tat-Tnejn filgħaxija mistenni jkun hemm direttivi ċari.