Esperti Ċiniżi jgħinu fir-restawr tal-Kattidral ta’ Notre Dame

Ħsarat fil-Kattidral ta' Notre-Dame kaġunati min-nirien

Esperti Ċiniżi se jipparteċipaw fir-restawr tal-Kattidral ta’ Notre Dame, fi Franza. Dan tħabbar mill-aġenzija tal-aħbarijiet Ċiniża wara laqgħa li saret f’Beijing bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi.

Il-Kattidral li kien inbena 850 sena ilu, li kien l-aktar monument storiku fl-Ewropa, ġarrab ħsarat kbar f’April li għadda meta nirien kbar ħarqu s-saqaf u ġarrfu l-kampnar tiegħu.

Minn dakinhar tal-ħruq li kien hemm bżonn il-ħidma ta’ 400 pumpier biex in-nar kien kontrollat, il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi kienu f’kuntatt ma’ xulxin dwar kooperazzjoni fir-restawr ta’ dan il-Maqdes.

Esperjenza

L-aġenzija tal-aħbarijiet Xinhua rrappurtat lil Chai Xiaoming, DIrettur tal-Akkademja Ċiniża tal-Wirt Kulturali, qal li “Iċ-Ċina għandha esperjenza kbira fir-rinnovar ta’ bini antic li jinħaraq, speċjalment jekk ikun magħmul mill-injam”.

“Għalhekk aħna nistgħu noffru suġġerimenti dwar kif għandu jsir ir-restawr tas-saqaf tal-Kattidral li kien magħmul mill-injam”.

L-aġenzija Xinhua, kkwotat minn ftehim iffirmat miż-żewġ President waqt żjara riċenti fiċ-Ċina tal-President Macron f’liema ftehim jingħad li esperti Ċiniżi se jaħdmu ma’ dawk Franċiżi, fuq il-post tar-restawr.

Teżor

“Iċ-Ċina u Franza se jikkollaboraw u jagħżlu esperti Ċiniżi, biex is-sena d-dieħla jikkooperaw fix-xogħol tar-restawr”, qalet l-aġenzija tal-aħbarijiet Ċiniża.

Il-ħruq tal-Kattidral ta’ Notre-Dame kien ġibed messaġġi ta’ solidarjetà minn madwar id-dinja kollha bil-President Ċiniż, Xi Jinping jiddeskrivi l-Kattidral bħala “teżor kbir taċ-ċiviltà umana”.

Għalkemm, il-qniepen, it-twieqi tal-ħġieġ kulurit u bosta relikwi li kein hemm fil-knisja kienu salvati, ix-xogħol biex il-Kattidral tas-Seklu XIII jerġa’ jinbena, għad jieħu s-snin.

Ikun biss fi tmiem is-sena d-dieħla li l-periti jkunu f’pożizzjoni li jiddeċiedu x-xogħol hemm bżonn biex isir ir-restawr u ebda xogħol ta’ bini ma hu mistenni jibda qabel sentejn oħra.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron kien qal li ried li l-Kattidral ikun restawrat sal-2024 meta Franza se torganizza l-Logħob Olimpiku f’Pariġi, imma jidher li din l-idea għalissa tpoġġiet fuq l-ixkaffa.

It-tip ta’ rikostruzzjoni li għandha ssir ħolqot kontroversja għax it-tradizzjonalisti skandalizzaw ruħhom bl-idea li ssir alternattiva aktar moderna għall-kampnar li nħakem min-nirien.