Esperta tikkritika studju li jitfa’ dubju fuq l-awtentiċità tal-Liżar ta’ Turin

Il-Liżar meqjum fil-Kattidral ta' Turin

Esperta ewlenija tad-drapp maħsub li kien il-kefen ta’ Kristu, ikkritikat u warrbet għalkollox studju ġdid li jgħid li d-demm fuq il-liżar mhux kompatibbli ma’ dak ta’ bniedem imsallab.

Emanuel Marinelli, esperta tal-Liżar ta’ Turin qalet li f’dan l-aħħar studju  li sar minn Matteo Borini u Luigi Garlaschelli, “ma hemm xejn xjentifiku.”

“Huwa kriterju xjentifiku li tieħu ‘mannequin’  – bħal dawk użati biex jitpoġġew ilbiesi fuqhom fil-vetrini ta’ ħwienet tal-moda – taqbad sponża mxarrba b’demm taparsi u tagħfasha fuq il-ġenb tal-pupazz biex tara fejn imur id-demm?” staqsiet Marinelli.

Żiedet tgħid li “Jekk din hi xjenza, jien se narmi d-degree li għandi fix-xjenzi naturali.”

Dan l-aħħar studju li sar fl-2014 kien ippubblikat ix-xahar li għadda f’ġurnal tax-Xjenza Forensika u jgħid li l-marki tad-demm fuq l-idejn huma konsistenti biss ma’ oġġett wieqaf bid-dirgħajn miftuħa f’angolu ta’ 45 grad u t-tbajja’ tad-demm mil-lemin tas-sider – li ħafna jemmnu li ħareġ mill-kustat ta’ Kristu – ma huma realistiċi xejn.

Marinelli warrbet għalkollox dan l-istudju magħmul minn spiżjar u xjenzat forensiku.

Il-Liżar ta’ Turin li għandu qisien ta’ 14-il-pied b’4 piedi juri negattiva ta’ bniedem sħiħ, quddiem u wara u juri sinjali ta’ feriti li jikkorrispondu mat-tortura u s-swat li qala’ Kristu fil-passjoni u l-mewt tiegħu, kif deskritti fl-Evanġelju.  Dan hu miżmum b’qima kbira fil-Katidral ta’ Turin u eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja jżuruh kull sena.