Espert jgħid li Għawdex kellu bżonn 31% tal-fondi Ewropej, iżda ngħata biss 10%

Frank Psaila, espert tal-iżvilupp f’Għawdex, qal li Għawdex ingħata inqas minn terz tal-fondi Ewropew minn kemm fil-verità għandu bżonn.
Irrimarka li Għawdex ġie deċiż li jieħu 10% mill-fondi Ewropej li tieħu Malta, iżda fil-verità l-gżira kellha bżonn 31% minnom.
Waqt il-konferenza X’jistennew l-Għawdxin mill-Ewropa, organizzata mill-fergħa Għawdxija tal-Ewroparlamentari Alfred Sant, Psaila fakkar li bejn l-2001 u l-2002 il-Gvern Malti kien fin-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea (KE), u dakinhar kien ikkonvinċa lill-Għawdxin li permezz ta’ sħubija fl-UE, l-ewwel Għawdex kien se jilħaq il-livell ekonomiku ta’ Malta u wara jilħaq dak tal-Ewropa.
Iżda psaila jidhirlu li mhux talli dan ma ntalaħaqx, talli m’hemmx futur sabiħ għall-gżira fl-Ewropa.
“Il-Gvern ibbaża l-allokazzjoni ta’ 10% fuq il-bażi tad-daqs tal-popolazzjoni Għawdxija, li kienet madwar 7% tal-popolazzjoni Maltija, u żiedha bi 3% oħra biex mingħalih iżid l-isforz biex Għawdex tilħaq lil Malta”, żied jgħid Psaila, li dak iż-żmien kien Segretarju Permanenti għal Għawdex.
Huwa kien ħeġġeġ lill-Gvern biex iżid dan il-perċentwal, billi argumenta li l-perċental tal-fondi allokati għal Għawdex ikun daqs il-perċentwal ta’ oqsma partikulari, bħall-kobor, il-kosta u ż-żona agrarja, li huma 27%, 31% u 36% ta’ dawk Maltin, rispettivament.
Iżda dan ma sarx, u Psaila qal li r-riżultat kien li l-livell ta’ żvilupp f’Għawdex naqas minn 58% fl-2013 għal 54% fl-2015, filwaqt li f’Malta dan żdied minn 82% għal 96%.
Biex jiġġustifika l-argument tiegħu, li m’hemmx futur sabiħ għal Għawdex, Psaila rrefera għal rapport tal-KE fl-2012, li jgħid li meta mqabbel ma’ gżejjer oħra fl-Ewropa, Għawdex hu f’pożizzjoni aħjar.
Skont Psaila dan ifisser li għall-KE m’hemmx wisq xogħol xi jsir għall-gżira Għawdxija.