Espert fil-food poisoning jiżvela ikel li jirrifjuta jiekol

Wara aktar minn 20 sena ħidma fil-qasam tal-avvelenament tal-ikel, l-espert Amerikan Bill Marler żvela li qata' ċertu ikel mid-dieta tiegħu, inkluż dawk li maż-żmien saru aktar popolari man-nies.
Hu qal li għamel dan għax ħass li ċertu ikel ma jagħmilx sens li tirriskja tieklu. Dan l-ikel jinkludi:
1. Ilma li mhux iffiltrat u ttrattat
Marler qal li kważi dak kollu li jista’ jikkawża deni lill-ġisem jinsab fl-ilma, inkluż ħmieġ tal-annimali. Mard li jista’ jikkaġuna l-mewt, bħall-Epatite A, jista’ jiġi trażmess ukoll mill-ilma.
2. Dqiq mhux imsajjar
Ħafna forsi jaħsbu li dqiq mhux imsajjar ma jagħmilx ħsara, iżda Marler iwissi li dan jista’ jxerred il-baktirja. Fil-fatt, fl-2016 kienu ġew ikkonfermati kważi 60 persuna li żviluppaw l-infezzjoni E.coli wara li kielu dqiq mhux imsajjar. Tajjeb li ngħidu li dqiq mhux imsajjar m’hemmx għalfejn jittiekel biex jikkawża xi infezzjoni, iżda anke jekk wieħed ma jaħsilx idu wara li jmiss dan id-dqiq.
3. Gajdri (Oysters) nejja
Marler jgħid li l-akbar kawża ta’ avvelenamenti f’dawn l-aħħar ħames snin bla dubju kien mill-frott tal-baħar. Hekk kif l-ibħra qegħdin jisħnu aktar maż-żmien, dawn jipproduċu aktar tkabbir tal-mikrobi li jispiċċa fil-gajdri (oysters) nejja.
4. Frott u ħxejjex maħsul u maqtugħ lest
Għalkemm dawn huma konvenjenti fil-ħajja tal-lum, Marler qal li hu jaħrabhom kemm jista’. Dan għaliex, hekk kif ħafna nies ikunu missu ma’ dan l-ikel, hemm aktar riskju ta’ kontaminazzjoni.
Skont studju li sar fl-Amerika, terz minn 208 boroż tal-insalati kien fihom livelli għolja ta’ baktirja li tista’ tikkawża l-avvelenamenti.
5. Laħam nej
Huwa qal li l-laħam għandu jissajjar f’temperatura ta’ 160 grad sabiex tinqatel il-baktirja li tista’ tikkawża s-salmonella u l-E. coli.

Kellek xi esperjenza ta’ ikel ikkontaminat? Ibagħtilna dwar l-istorja tiegħek fuq info@newsbook.com.mt