Espert bil-verità sħiħa dwar il-varjant u l-vaċċin tal-Covid-19

Importanti ħafna li f’dawn il-jiem ma nittraskurawx u nibqgħu nieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni

Read in English.

Prof. Michael Borg, espert Malti, intervistat minn Fr Joe Borg, jispjega fid-dettall dwar il-varjant tal-Covid-19 u l-vaċċin li jista’ jeqirdu. Huwa jinsisti wkoll li nibqgħu nieħdu prekawzjonijiet, b’mod partikolari f’dan iż-żmien ta’ festi.

Punti importanti li ħarġu mill-intervista:

  • Dan huwa vaċċin meraviljuż. Juża l-aħħar teknoloġija u huwa effettiv immens. Dan jagħti immunità lil min jieħdu, li hi aktar mill-immunità li jkollu min diġà ħa l-marda.
  • Ma saru l-ebda shortcuts biex sar dan il-vaċċin. Ix-xjentisti b’għaqal kbir għarfu jirkbu fuq l-aktar teknoloġija moderna biex joħorġu b’dan il-vaċċin. Barra minn hekk ħafna gvernijiet għamluha possibbli li jkun hemm l-investiment finanzjarju meħtieġ.
  • Il-vaċċin huwa safe għal kollox. Diġà ħaduh mijiet ta’ eluf madwar id-dinja. Ma kien hemm l-ebda effett negattiv serju. Kif jiġri anke meta nieħdu l-vaċċin tal-influwenza, kien hemm min qabdu xi deni ħafif, kellu xi wġigħ fejn ittaqqab u skumditajiet żgħar.
  • Qed jgħidu li n-nisa tqal u dawk taħt is-16-il sena ma jeħdux il-vaċċin mhux għax mhux tajjeb għalihom, iżda għax għadhom ma sarux testijiet biżżejjed fuqhom biex jingħad b’ċertezza li hu safe għalihom. Fl-Istati Uniti l-vaċċin ingħata lil għadd ta’ nisa tqal għax kellhom xi problemi u l-għoti tal-vaċċin ma kellux effetti ħżiena.
  • Huwa normali li meta jkun hemm virus dan jinbidel. Barra l-varjant li sabu l-Ingilterra, hemm varjanti oħra f’xi pajjiżi oħra.
  • Dan il-varjant huwa essenzjalment l-istess bħall-virus oriġinali. Li jagħmlu aktar perikoluż huwa li jittieħed aktar malajr. Iżda meta jittieħed ikollu l-istess effetti bħall-ieħor.
  • Il-vaċċin huwa effettiv kontra dan il-varjant.
  • Jien diġà bbukkjajt biex nieħu l-vaċċin u kulħadd għandu jagħmel dan. Min ikollu xi dubji jsaqsi lit-tabib tiegħu.
  • Huwa importanti ħafna li nibqgħu nieħdu l-miżuri kollha li jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa. Dan huwa aktar importanti f’dan iż-żmien ta’ festi.