“Esperjenza ta’ Knisja… anke fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran”

Fr Maximillian Grech, is-Segretarju tan-Nunzjatura (l-Ambaxxata tal-Vatikan) f’Tehran fl-Iran, qal li l-kunċett ta’ prudenza huwa indispensabbli għall-ministeru tiegħu fl-Iran, u li x-xogħol tan-Nunzjatura huwa ffukat esklussivament f’li jagħti sostenn lill-komunità kattolika f’dan il-pajjiż, li huwa definit mill-kostituzzjoni bħala Repubblika Iżlamika.

Fr Grech kien il-mistieden speċjali waqt l-intervista li ssir fil-programm Follow Up fuq RTK 103FM, u kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-preżentatur Fr Joe Borg dwar l-esperjenza partikolari tiegħu fl-Iran tul dawn l-aħħar sentejn u nofs ta’ ħidma.
Spjega kif in-Nunzjatura f’Tehran – bħal kull rappreżentanza pontifiċja oħra madwar id-dinja – għandha żewġ missjonijiet: l-ewwel nett li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Istat u mal-Gvern tal-ġurnata u li tikkontribwixxi b’mod attiv għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-iżvilupp integrali tal-bniedem; it-tieni hu li tkun ta’ sapport kontinwu għall-Knisja lokali u l-Isqfijiet li jmexxuha b’mod partikolari billi tiffaċilita l-kuntatt mas-Suċċessur ta’ Pietru, il-Papa.

Rikonoxximent tal-minoritajiet reliġjużi
Fil-Kostituzzjoni Iranjana – pajjiż li sar Repubblika Iżlamika wara r-rivoluzzjoni tal-1979 – il-kunċett tal-konverżjoni mill-Iżlam għall-reliġjonijiet oħra mhuwiex ikkontemplat. Il-pajjiż però jippermetti lil dawk imwielda f’familji li jħaddnu twemmin differenti mill-fidi iżlamika, jipprattikaw u jiċċelebraw il-fidi tagħhom fl-imkejjen tal-kult tagħhom. F’Tehran hemm seba’ knejjes Kattoliċi, filwaqt li fl-Iran kollu hemm madwar 30, bejn knejjes u kapellel.
Dan ir-rikonoxximent jinsab iswed fuq l-abjad f’Artiklu 13 tal-kostituzzjoni Iranjana, fejn il-minoritajiet reliġjużi – primarjament il-Kristjani, il-Lhud u ż-Żoroastri – huma rikonoxxuti uffiċjalment mill-awtoritajiet tal-pajjiż.
Dawn il-minoritajiet huma wkoll rappreżentati fil-Parlament, bi tliet deputati Nsara, deputat Lhudi u ieħor Żoroastru. B’kollox hemm 290 membru parlamentari.
Ħin minnhom isemmi kif sa ftit żmien ilu, il-captain tat-tim nazzjonali Iranjan kien fil-fatt Kristjan.
Aktar Kattoliċi f’Għawdex milli fl-Iran

Fl-Iran, pajjiż Musulman ta’ 80 miljun persuna, hemm biss 10,000 Kattoliku u xi 150 elf nisrani. Madankollu, il-Knisja f’dan il-pajjiż hi waħda antika u bi storja rikka.
B’nofs ċajta, Fr Grech qal li f’Għawdex hemm aktar Kattoliċi milli f’dan il-pajjiż enormi.
Kompla jgħid kif erbgħa mill-ħames djoċesijiet Kattoliċi, huma Kattoliċi ta’ rit orjentali, maqsumin fi tlieta mir-rit Assiro-Kaldew, u djoċesi oħra tal-Armeni Kattoliċi. Finalment, hemm id-djoċesi Kattolika Rumana tar-rit Latin.

Il-protesti li saru fl-aħħar jiem
Ma setax jonqos li Fr Maximillian jiġi mistoqsi dwar il-protesti riċenti li seħħew fl-Iran. Filwaqt li rringrazzja lil Alla li dawn il-protesti issa ġew fi tmiemhom, spjega kif il-vjolenza hija dejjem kundannabbli u qatt ġustifikata, u li sfortunatament dawn l-irvellijiet ħallew 21 persuna mejta, kemm membri tal-ordni pubbliku kif ukoll nies ċivili. Skontu l-poplu Iranjan ħareġ fit-toroq sabiex juri d-diżapprovazzjoni tiegħu għall-fatt li dan l-aħħar tħabbru żidiet fil-prezz tal-fuel u l-ħobż.
Fakkar ukoll li f’Lulju 2015 ġie ffirmat il-ftehim nukleri magħruf bħala JCPOA, liema ftehim ġie mbuttat u inkoraġġit pubblikament u kemm-il darba mill-Papa Franġisku. Dan il-ftehim fuq il-karta kellu jfisser inqas sanzjonijiet u restrizzjonijiet mill-komunità internazzjonali fuq l-Iran, u għalhekk aktar prosperità għall-poplu, però bħal donnu li l-poplu Iranjan qed iħoss li għadu mhux jibbenefika biżżejjed minn dan il-ftehim.
Teokrazija mmexxija minn Gwida Suprema

Fl-aħħarnett Fr Maximillian irrefera wkoll għat-tqassim tal-poter fil-pajjiż, fejn għandek il-Gwida Suprema, li hu kjeriku magħżul minn dak li jissejjaħ il-Kunsill tal-esperti magħmul minn 80 Ayatollah.
F’termini Kattoliċi, l-Ayatollah huwa ekwivalenti għall-grad ta’ kardinal. Il-Gwida Suprema attwali huwa l-Ayatollah Ali Khamenei.
Imbagħad hemm l-ambitu leġislattiv tal-pajjiż, immexxi mill-Majlis jew il-Parlament tad-deputati, u finalment l-ambitu eżekuttiv immexxi mill-President Hassan Rouhani u l-kabinett tal-Ministri tiegħu.
Madankollu, dawn l-aħħar tnejn iwieġbu, finalment, lill-Gwida Suprema.
F'wieħed mir-ritratti: iż-żagħżugħ Fr Maximillian Grech
Fl-aħħar ritratt: il-President Hassan Rouhani (xellug) ma' Franġisku (lemin)