​Esperjenza pożittiva għall-ġurnalisti sportivi Maltin

Ġie fi tmiemu s-seminar ta’ jumejn organizzat mill-Public Broadcasting Services (PBS) flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħGS) u r-RAI.
Dan is-seminar nazzjonali li sar bejn ilbieraħ u t-Tnejn kien miftuħ għall-ġurnalisti sportivi kollha, li għalih attendew aktar minn 40 ġurnalist.
Newsbook.com.mt ħa sehem ukoll u kienet opportunità mill-aqwa li tiltaqa’ u titgħallem minn żewġ ġurnalisti Taljani ta’ aktar minn 30 sena esperjenza, bħalma huma Gianfranco Coppola u Stefano Mattei.
Coppola beda bħala ġurnalist fl-istampa, imbagħad għadda għar-radju u t-televixin mal-istazzjon tal-istat Taljan RAI.
Minn naħa tiegħu Mattei li beda bħala plejer tal-futbol ma’ tim żgħir f’Ruma u huwa wkoll daħal mar-RAI bħala touchline commentator.
It-tnejn li huma qasmu ma’ dawk preżenti l-esperjenzi tagħhom fix-xandir u l-imħabba kbira li għandhom lejn il-ġurnaliżmu sportiv.
Ma setax jonqos li taw ukoll preżentazzjonijiet interessanti dwar x’għandhom u x’m’għandhomx jagħmlu l-ġurmalisti sportivi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Ħareġ ċar li l-ġurnalist mhuwiex il-protagonist ewlieni fl-avveniment sportiv, imma huwa biss dak li jgħaqqad lill-ispettatur mal-avveniment.
Għandu jitwassal dak li qed jiġri fil-verità kollu tiegħu mingħajr ħafna esaġerazzjonijiet.
Waqt dan is-seminar kienu mistiedna wkoll Pierre Cassar is-CEO tal-Awtorità tax-Xandir li tkellem fuq l-isfidi u l-opportunitajiet fix-xandir.
Tkellem ukoll Bjorn Vassallo s-Segretarju Ġenerali tal-MFA dwar l-immaniġjar ta’ avveniment sportiv.
Fl-aħħarnett il-President tal-GħĠS Charles Camenzuli flimkien ma’ Tonio Portughese ċ-Ċermen tal-PBS, Gianfranco Coppola u Stefano Mattei ppreżentaw iċ-ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil dawk preżenti.