Esperjenza Għar Dalam fid-dlam

Għandek ċans uniku biex iżżur Għar Dalam fid-dawl tal-qamar.
Dan hekk kif Heritage Malta qed tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex iżur Għar Dalam u l-inħawi matul il-lejl.
Din l-attività se ssir nhar il-Ħamis 7 ta’ Settembru fis-7pm. Matulha l-viżitaturi se jingħataw spjega bil-Malti u wara jżuru l-inħawi u l-Għar. Wara se jkun hemm riċevment.
Ir-relevanza ta’ Għar Dalam bħala sit preistoriku ġiet skoperta lejn l-aħħar tas-seklu 19. Dan wara li skavar kixef għadam tal-annimali u anke ta’ bnedmin kif ukoll xi artefatti. L-Għar għandu importanza kbira f’dik li hija paleontoloġija, arkeoloġija u ekoloġija. Il-madwar tal-Għar joffri xenarju naturali mill-isbaħ iddominat minn Wied Dalam li ġie fformat minn kwantitá kbira ta’ ilma fi Żmien is-Silġ meta f’Malta kien hawn abbondanza ferm iktar ta’ ilma.
L-għar huwa protett bħala sit ta’ Natura 2000 minħabba preżenza tal-ispeċi endemika tal-ħanżir l-art tal-għerien li ġie skopert fil-partijiet ta’ ġewwa tal-Għar. Minħabba li din l-ispeċi hija rari u tinsab prattikament f’Għar Dalam, ingħatat protezzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.
L-Għar huwa xhieda wkoll tal-ewwel abitazzjoni f’din il-gżira madwar 7,400 sena ilu.