Esperjenza ġdida għall-klijenti tal-APS Bank

L-APS Bank se joffri esperjenza ġdida lill-klijenti tiegħu hekk kif ġie inawgurat ix-xogħol ta’ rinovazzjoni tal-fergħa tal-Belt Valletta.
Din il-fergħa se tkun qed toffri standards ġodda fis-settur bankarju Malti, li ġie ddisinjat b’numru ta’ spazji ta’ daqs differenti li jistgħu jintużaw għal skopijiet differenti, kif ukoll għadd ta’ għodda diġitali b’taħlita tajba bejn servizz personalizzat u teknoloġija lill-klijenti tal-APS Bank.
Il-fergħa tinkludi wkoll żewġ sulari fejn se jkun hemm l-Uffiċċju Legali tal-Bank.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna li qal li “r-ruħ tal-Bank hija bbażata fuq valuri li jkunu qrib ħafna tan-nies u li jkun ħabib tal-klijenti.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-APS Bank, Frederick Mifsud Bonnici tkellem dwar kif il-Bank qed iħaddan strateġija ta’ tkabbir responsabbli, itejjeb il-pożizzjoni tiegħu fis-suq filwaqt li jsaħħaħ l-infrastruttura ta’ governanza u l-immaniġġjar tar-riskju.
Il-Kap Eżekuttiv, Marcel Cassar tkellem dwar il-futur ta’ din il-fergħa, u kif il-Bank qed jitrasforma ruħu minn wieħed li mhux biss jaqdi lill-klijenti tiegħu, iżda wkoll jedukahom f’użu ta’ għodod diġitali.
Il-fergħa APS Bank fil-Belt Valletta tinsab f’17/18 Triq ir-Repubblika u hi miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt. Il-maniġer tal-fergħa hu s-Sur Sinclair Cassar.
Għal aktar tagħrif, wieħed jista’  jikkuntattja lill-Customer Support Centre fuq 21226644 jew peremezz ta’ imejl fuq csc@apsbank.com.mt