“Esperjenza emozzjonali permezz taż-żfin”

ŻfinMalta tiċċelebra l-Jum Internazzjonali għaż-Żfin

Ritratt: Matteo Carratoni

Read in English.

Hekk kif qed joqrob id-29 ta’ April, il-Jum Internazzjonali għaż-Żfin, ŻfinMalta qiegħda tistiednek sabiex tingħaqad maż-żeffiena tagħha f’ċelebrazzjoni komuni (għalkemm mill-bogħod) lejn din il-forma ta’ arti unika.

Il-kumpanija nazzjonali taż-żfin Maltija diġà addattat għas-sitwazzjoni kurrenti permezz tal-kampanja innovattiva tagħha Dance is Us, kampanja online illi rnexxielha mhux biss iżżomm il-komunità taż-żfin ħajja, iżda wkoll tiġbed udjenza ġdida lejn id-dinja taż-żfin. Xhieda ta’ dan hija l-ewwel klassi tal-ballet fuq Zoom li seħħet il-Ħadd li għadda, li għaliha ingħaqdu ‘l fuq minn 100 ruħ minn kull qasam tal-ħajja.

Lil hinn mill-klassijiet b’xejn li ŻfinMalta ser tkun qed torganizza fil-jiem li ġejjin, il-kumpanija nazzjonali ser tkun qed tiċċelebra l-Jum Internazzjonali taż-Żfin permezz ta’ żifna online – li għaliha qed tistieden lilek!

“Kull min għandu imħabba lejn iż-żfin hu mħeġġeġ li jingħaqad magħna – l-età jew abilità mhumiex importanti,” stqarr Paolo Mangiola, d-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta.

“Flimkien maż-żeffiena tagħna, se nkunu qed ngħixu esperjenza emozzjonali permezz taż-żfin. M’hemmx kumplikazzjonijiet: segwi l-istruzzjonijiet li se nibagħtulek, isma’ l-mużika, u fuq kollox, gawdi l-konnessjoni bejn iż-żfin, ġismek, u l-komunità.”

Kull min jixtieq jieħu sehem għandu jibgħat email bit-titlu International Dance Day fuq info@zfinmalta.org biex b’hekk tirċievi l-informazzjoni kollha dwar l-avveniment.

Interessat f’attivitajiet simili ta’ ŻfinMalta? Segwina fuq facebook (@zfinmalta) u Instagram (@zfinmalta), jew abbona għall-fuljett elettroniku għal iktar aħbarijiet u aġġornamenti dwar ‘Dance is us’, il-kampanja kurrenti tagħna, kif ukoll l-avvenimenti, produzzjonijiet, u podcasts kollha tagħna!