Esperjenza emozzjonali, esperjenza unika – L-Isqof Galea Curmi

Read in English.

“Kienet esperjenza emozzjonanti.” L-Isqof Joseph Galea Curmi hekk iddeskriva l-esperjenza tiegħu meta s-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħodu qaddess fil-knisja parrokjali ta’ Ħal Balzan quddiesa miftuħa għall-pubbliku wara tliet xhur iqaddes mingħajr kongregazzjoni.

Waqt li kellu tifħir għall-quddies imxandar fuq it-televiżjoni huwa żied jgħid illi l-quddiesa flimkien mal-komunità hija esperjenza unika.

L-istess sentimenti pożittivi esprimewhom ma’ Newsbook.com.mt diversi qassisin u lajċi li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fi tmiem din il-ġimgħa meta reġa’ beda jsir il-quddies miftuħ għall-pubbliku.

Il-Kappillan Gordon Refalo qal li feraħ ħafna li kien mal-parruċċani li anke huma kienu emozzjonati. Huwa innota li ma ġewx folol għax għad hawn min jibża’. Fr Eddie Zammit iħoss li qisu għadna ma nafux x’laqatna meta naraw nies bil-maskri u l-visors fil-knisja. Fr Sinclair Bugeja qal li minkejja li n-nies forsi kienu xi ftit imbeżżgħa “m’hemmx isbaħ milli tqaddes f’komunità li tħobb u taf li tħobbok!”

Anke għal Fr Anthony Fitzpatrick din kienet esperjenza mill-isbaħ. Waqt li osserva li n-nies ikkolaboraw ħafna żied jgħid li dan iż-żmien imċaħdin mill-quddiesa għen lin-nies japprezzaw dak “li seta’ ġieli ttieħed for granted”.

Albert Borg tana r-reazzjoni tiegħu forma ta’ talba sabieħa ta’ tifħir u ringrazzjament. Tarcisio Vella qalilna li ħassu eċċitat u ferħan li ħa sehem fil-quddiesa u seta’ jitqarben. “X’differenza li tkun preżenti u mhux spettatur”, qalilna.

Għal Sylvana Debono l-Quddiesa kienet esperjenza ċelebrattiva ħafna li ġabet fix-xejn l-iskumdità tal-maskri u tal-visors. Tul il-quddiesa ħasset ħafna s-sens ta’ ringrazzjament u kuntentezza tan-nies li kienu fiżikament preżenti.

Francesco Pio Attard qalilna li l-knejjes tagħna reġgħu ħadu r-ruħ minħabba l-parteċipazzjoni fiżika tal-kongregazzjoni. Annie Falloon ħassitha sejra għal avveniment speċjali li kienet ilha tistennieh. Għaliha l-fatt li irċeviet l-Ewkaristija kienet esperjenza vera tal-għageb. Anna Maria Vella qalet li stenniet bil-ħerqa dan il-mument għax bdiet tiddejjaq tisma’ l-quddiesa minfuq il-laptop. Iddeskriviet l-atmosfera bħala vibranti iżda l-miżuri li kellhom jittieħdu minħabba l-pandemija xelfu ftit is-sens ta’ komunità.

Sabieħ li erġajt rajt uċuħ li kont ili ma nara – Isqof Galea Curmi

L-Isqof Galea Curmi qal li kienet esperjenza emozzjonanti li wara tliet xhur in-nies jerġgħu jiltaqgħu flimkien fil-knisja għall-quddiesa.

“Għalkemm b’diversi restrizzjonijiet ta’ social distancing, visors jew maskri, eċċ, kienet sabiħa nerġa’ nara ucuħ li l-aħħar li rajthom fil-knisja ġimgħat ilu. Riflessjoni li għamilt hi li din l-esperjenza ta’ tliet xhur għenitni napprezza dejjem aktar lil kull persuna li tiġi l-knisja biex tiltaqa’ mal-Mulej permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Kemm hu importanti li kull min jiġi jħossu milqugħ, maħbub u megħjun jiltaqa’ mal-Mulej!

“Il-quddiesa fuq it-TV u online għamlu u jagħmlu ħafna ġid, u għenu u jgħinu lil ħafna nies biex jitolbu bil-ġabra u jsiru aktar midħla tal-Kelma ta’ Alla. Imma qatt ma jistgħu jieħdu post l-esperjenza li niltaqgħu flimkien bħala familja, ngħixu ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija flimkien u nirċievu fit-tqarbin lil Ġesù. Meta jkun possibbli għalina, din tibqa’ dejjem esperjenza unika u ta’ għajnuna kbira għalina l-Insara.”

Miżuri ta' mitigazzjoni fl-Oratorju Don Bosco minħabba l-Covid-19 – Post ġdid għall-Quddies fil-weekends għad-dell u…

Posted by Oratorju Don Bosco on Sunday, June 14, 2020

Fraħt ħafna llum – Fr Gordon Refalo, Kappillan Ħal Għaxaq

“Fraħt ħafna llum. Mhux biss għax Jum il-Mulej. Mhux biss għax qed niċċelebraw il-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej. Imma fraħt ukoll għax ma kontx waħdi għall-Quddiesa kif kont dawn l-aħħar tliet xhur, imma fil-knisja kien hawn ukoll l-għeżież parruċċani.

Kif stennejna, ma ġewx folol, iżda numru sabiħ. Għad hawn min jibża’. U hawn min hu vulnerabbli. Nifhmuhom. Iżda dawk li ġew ikkooperaw ħafna mad-diversi persuni li qed jagħtu l-għajnuna tagħhom, qabel, waqt, u wara l-Quddiesa. Lil dawn nirringrazzjhom tad-dedikazzjoni tagħhom.

Rajt illum f’wiċċ in-nies, il-ferħ li reġgħu ġew biex jingħaqdu flimkien għall-Ewkaristija. Rajt kemm bagħtew tul dawn it-tlett xhur imċaħħdin mill-Ewkaristija. Rajt illum il-fidi tan-nies li b’devozzjoni kbira ħadu sehem fil-quddies. Rajt nies emozzjonati għax reggħu ircevew il-maħfra ta’ Alla fis-Sagrament tal-Qrar.

Kull ma nista’ inlissen illum hija talba waħda biss : Grazzi Mulej”

Bdjena il- Quddiesa f' Kemmuna… gie innawgurat l-Ostensorju gdid fil- festa tal-Korpus

Posted by Kappella Ta Kemmuna on Sunday, June 14, 2020

Kemm u faċli nidra kollox – Albert Borg  

“Mhux iktar ‘il bogħod, minn fuq it-televiżjoni, mhux iktar il-laqgħa mal-Mulej permezz tal-Kelma tiegħu biss, mhux iktar it-tqarbina tax-xewqa, imma issa f’riġlejn l-altar tiegħek, Ġesù, flimkien ma’ ħuti, mistieden mingħajr ma jistħoqqli, għall-Ikla li xxenqu għaliha tant Insara matul is-sekli: issa jiċċelebrawha bil-moħbi u bil-biża’, issa bil-ferħ u fid-dieher, issa f’mument ta’ kriżi kbira, issa b’ringrazzjament wara li jkun għadda l-inkwiet.

Kemm hu faċli nidra kollox, saħansitra dan il-misteru li jikxifli l-qalb tħeġġeġ, iċ-ċentru uniku, l-għajn tal-eżistenza tiegħi, l-imħabba saret persuna bħali…

Wasal il-mument, u nismagħha ċara s-sejħa: Dan hu l-Ġisem ta’ Kristu! U flimkien ma’ ħuti, b’għajta waħda: Amen! U hekk hu l-Ikel li mhux jinbidel f’ġismi, imma li jekk inħallih, jibdilni hu, biex jagħtini sehem mill-ħajja familjari ta’ Alla Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

Mulej Ġesù, b’dan il-Ġisem u d-Demm qaddis tiegħek, tħallini qatt ninfired minnek!”