Esklussiva: “Tikxifnix u ngħinek”

X’se jiġri mit-talba għall-maħfra ta’ Fenech?

Read in English.

Kif irrappurtat minn Newsbook.com.mt, kien ilbieraħ li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, semma għall-ewwel darba lil Keith Schembri, l-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru, waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija.

Fenech qal li Schembri bagħatlu messaġġi jgħidu “tikxifnix u ngħinek”. Iżda Fenech iddeċieda li jikxef dik li hu sejjaħ il-korruzzjoni dwar l-Electrogas u saħansitra l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Yorgen Fenech ta informazzjoni lill-Pulizija dwar l-allegata korruzzjoni minn Keith Schembri fil-każ tal-Electrogas. Il-proġett kien ingħata lill-konsorzju magħmul minn Siemens u mill-kumpanija Maltija GEM Holding Ltd. Il-kumpanija Maltija kienet magħmula minn Tumas Energy Ltd (30%), Gasan Group Ltd (30%), CP Holding Ltd (30%) u News Energy Supply Ltd (10%). In-News Energy Supply Ltd hija kollha kemm hi ta’ Yorgen Fenech.

Fenech kellu l-kumpanija 17 Black, li skont Nexia BT kellha tgħaddi €5,000 kuljum fil-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Yorgen Fenech allega anke korruzzjoni minn Keith Schembri fil-proġett ta’ wind farms li nbnew fil-Montenegro b’sehem tal-Enemalta. F’dan il-proġett kien hemm investiment ta’ €90 miljun. Il-proġett kien inawgurat ftit tal-ġranet ilu.

Iżda l-agħar rivelazzjoni li għamel Yorgen Fenech kienet dwar l-allegazzjoni ta’ xi forma ta’ involviment ta’ Keith Schembri fil-proċess li wassal għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Jidher li f’dan il-każ kienu diversi l-persuni li jew kienu jafu bih minn qabel jew ħarġu flus biex ikun iffinanzjat l-assasinju.

X’se jiġri mill-maħfra?
X’se jiġri mit-talba għall-maħfra li għamel Yorgen Fenech? Skont il-liġi hu l-Gvern li jiddeċiedi min jingħata l-maħfra hekk imsejħa presidenzjali. Il-Gvern jagħti rakkomandazzjoni lill-President tar-Repubblika iżda l-President ma jistax ma jilqax ir-rakkomandazzjoni. Il-Prim Ministru xi jiem ilu qal lill-ġurnalisti li l-Kabinett tal-Ministri kien iddelega lilu biex ikun jista’ jagħti lill-President ir-rakkomandazzjoni li joħroġ maħfra.

Esperti legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li issa nħolqot problema legali kbira. Jagħmel x’jagħmel il-Prim Ministru jqumu diversi dubji u mistoqsijiet. Jekk il-Prim Ministru ma jagħtix ir-rakkomandazzjoni biex tingħata l-maħfra allura jqumu s-suspetti li dan ma għamilx ir-rakkomandazzjoni minħabba li Yorgen Fenech jista’ jinkrimina nies qrib tiegħu. Il-Prim Ministru kontinwament iddefenda lil Keith Schembri u ddeskrivih bħala bniedem integru li ma jużax ir-rwol tiegħu pubbliku biex jagħmel qligħ personali.

Allura jista’ jkun li Muscat ikun ittentat li jagħmel ir-rakkomandazzjoni li tingħata l-maħfra biex ma jkunx hemm akkużi bħal dawn. F’dak il-każ jista’ jiġri li l-ġustizzja tiġi mfixkla.