Esklussiva: L-UE b’rakkomandazzjoni ġdida għall-bejgħ tal-passaporti

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li l-Kummissjoni Ewropea se tipproponi regoli ġodda għall-iskemi ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza.

F’intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju Jourová tat x’tifhem li l-Kummissjoni se timponi ‘mod ġdid’ fuq lill-Membri Stati biex permezz ta’ rakkomandazzjoni ġdida, dawn jutilizzaw riżorsi Ewropej fi proċess aktar iebes ta’ due diligence, fejn hawnhekk tintuża l-intelliġenza li l-Unjoni Ewropea jkollha fuq l-applikanti.

Spjegat li dan it-tibdil mhux se jiġi b’sorpriża fuq il-Gvern Malti għaliex ilha f’kuntatt mal-Ministri u l-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu t-titjib neċessarju.

Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar kemm hu minnu li l-applikanti qed ikollhom rabta mal-pajjiż, il-Kummissarju Ewropew qalet li dak li kien ġie maqbul bejn il-predeċessur tagħha, il-Kummissarju Reding u Malta, għadu jgħodd u hemm bżonn ta’ “rabta ġenwina” mal-pajjiż fejn ikunu qed japplikaw.

Mistoqsija tgħid jekk hux realistiku li jintlaħaq qbil mal-pajjiżi kollha sal-aħħar tat-terminu tagħha, jiġifieri sa Mejju li ġej, il-Kummissarju qalet li kif joħorġu r-rakkomandazzjonijiet fil-ħarifa se tkun qed tibda proċess ta’ dibattitu intensiv mal-istati membri.

F’rapporti internazzjoni kien instab li għadd ta’ barranin li xraw il-propjetà biex ikollhom “rabta ġenwina” ma’ Malta lanqas kienu joqogħdu fih. Il-ġurnalist Lorenzo Bagnoli mill-Proġett tal-Ġurnaliżmu Investigattiv fl-Italja kien intbagħat Malta biex jinvestiga l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.

Pajjiżi Ewropej ilmentaw dwar min qed jixtri passaport Malti

Waqt l-intervista ta’ 20 minuta li saret fi Brussell, il-Kummissarju Ewropew ikkonfermat li xi pajjiżi Ewropej ilmentaw mal-Kummissjoni li Malta tħalliet tbiegħ iċ-ċittadinanza. Għalkemm ma qalitx min kienu dawn il-pajjiżi għaliex qalet li trid tiġġieled is-sistema kollha u mhux każi individwali, Jourová qalet li kien hemm “każijiet suspettużi” u li dehru anke fil-midja.

Stqarret li dawn kollha jimlewha b’konvinzjoni aktar b’saħħitha li l-Kummissjoni għandha tagħmel sistema aħjar. Żiedet tgħid li “l-Gvern Malti għandu jinduna li s-sitwazzjoni qed tinbidel” filwaqt li qalet li temmen li b’diskussjoni mal-Gvern Malti “għandhom isiru t-tibdil u t-titjib” neċessarju.

AQRA: Emozzjoni kbira meta ltqajt mal-familja Caruana Galizia – il-Kummissarju Jourová

“Malta mistennija tagħmel aktar” kontra l-ħasil tal-flus

Il-Kummissarju Jourová qalet li “Malta hija mistennija li tagħmel” aktar biex tara li l-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus jidħlu fis-seħħ.

Jourová stqarret li hemm lok għal aktar xogħol f’dan il-qasam mill-Gvern Malti u kien għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa li tpoġġi lill-Malta taħt proċedura ta’ ksur tal-liġijiet biex l-awtoritajiet Maltin jagħtu aktar attenzjoni biex isaħħu l-liġijiet.

Dwar l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), Jourová qalet li dawn għażlu li jibagħtu r-risposti tagħhom meta r-rapport finali tal-Kummissjoni jkun lest. Skont Jourova, dan għandu jkun lest sal-aħħar ta’ Settembru. Spjegat li flimkien ma’ Malta, il-Kummissjoni qed tanalizza s-sistemi adottati fi 15-il pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea biex ikollom l-istess.

F’Lulju li għadda, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) bdiet tinvestiga l-Aġenzija tal-Gvern ta’ Malta kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU. Iċ-Ċerpersin tal-EBA kien qal li din l-investigazzjoni nfetħet wara li diġà saret analiżi preliminari li turi li din l-aġenzija ma mxiex mal-liġijiet Ewropej.

Malta pajjiż fundatur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-Kummissarju Jourová qalet li tinsab kuntenta li Malta aċċettat li tidħol membru tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, inizjattiva li daħlet fis-seħħ fit-terminu tagħha ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Ġustizzja.

Jourová li hija responsabbli wkoll mill-politika dwar il-konsumatur u l-ugwaljanza bejn is-sessi, qalet li l-akbar sfida tagħha tul l-erba’ snin li ilha fil-kariga kkienet ir-reazzjoni li l-Kummissjoni kellha tagħmel għat-theddida tas-sigurtà fl-Unjoni Ewropea.

Stqarret li l-Kummissjoni kellha toħroġ b’regoli aktar stretti jew aktar effiċjenti li jiżguraw is-sigurtà fl-oqsma tat-terroriżmu, tal-ħasil tal-flus, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-kriminalità.

Tista’ taqra siltiet mill-intervista u verżjoni tal-artiklu bl-Ingliż hawnhekk.