ESKLUSSIVA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

Provi ħelikopter pazjent Għawdex

Newsbook.com.mt jista’ jirrapporta b’aktar ċertezza li l-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru mill-kumpanija Steward Healthcare li jmexxu l-isptar ta’ Għawdex ma kienx lest biex jieħu l-pazjent b’attakk ta’ qalb minn Għawdex lejn Malta kif riedu t-tobba.

Dan jikkontradixxi dak li qalet it-tmexxija ta’ Steward Healthcare jigifieri li kienu l-professjonisti stess li rrakkomandaw li l-pazjent jibqa’ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba, li għal xi ħin, saħħtu kienet ġiet stabbli.

Sorsi ġodda taw provi lil Newsbook.com.mt li jikkonfermaw li l-pazjent iddaħħal l-isptar ftit wara l-10am tal-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu li għadda u telaq bl-ambulanza tal-ajru lejn l-isptar Mater Dei fl-4.30pm, jiġifieri aktar minn sitt sigħat u nofs wara.

Is-sorsi viċin l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalu li minkejja li fil-11am, il-professjonisti iddeċidew li l-pazjent kellu bżonn l-ambulanza tal-ajru din ma kinitx għad-dispożizzjoni tal-isptar. Sorsi oħra viċin l-isptar Mater Dei reġgħu ikkonfermaw dan il-fatt anke wara li l-pazjent wasal Malta fil-5.15pm.

Il-pazjent tilef ħajtu aktar tard mal-ġurnata.

Dan mhux l-ewwel każ ta’ din ix-xorta. Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said nhar il-Ħadd implika li l-istess ġara lid-Deputat Laburista Anton Refalo.

L-istorja sa issa

  • Said jikteb fuq Facebook: Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said kien l-ewwel wieħed li l-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu fis-2pm ħareġ stqarrija fuq Facebook. Huwa kiteb fejn li fl-istess ġurnata, pazjent iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex filgħodu f’kundizzjoni kritika u kien għadu ma itteħidx ma lejn l-Isptar Mater Dei għax ul-helicopter kien bil-ħsara. Jumejn wara, il-Ħadd 26 kiteb li lill-pazjent, li sa dak il-ħin kien miet ħaduh l-isptar Mater Dei fl-4.30pm. Spjega li dan kollu seħħ għax l-ambulanza tal-ajru ma kinitx qed taħdem.
  • L-isptar iwieġeb: Bejn il-Ġimgħa 24 u t-Tnejn 27 ta’ Settembru, Newsbook.com.mt għamel diversi tentattivi biex jieħu reazzjoni mingħad it-tmexxija tal-isptar ta’ Għawdex. Il-kelliem ta’ Steward Healthcare wieġbet it-Tnejn filgħodu u qalet li kienu l-professjonisti stess li rrakkomandaw li l-pazjent jibqa’ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li għal xi ħin, saħħtu kienet ġiet stabbli.
  • Newsbook jikkonferma: Professjonisti fl-Isptar Mater Dei li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-pazjent kien f’qagħda kritika u kien għalhekk li t-tobba ordnaw li jittieħed l-Isptar Mater Dei b’urġenza.
  • Fearne jħabbar inkjesta: Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt ħabbar li ħatar inkjesta li qed titmexxa mill-Professur Joseph Cacciottolo

L-inkjesta mistennija li tiġi ppubblikata l-ġimgħa d-dieħla.