ESKLUSSIVA: Niżvelaw proposti mir-rapport tal-ERA dwar pompi tal-petrol

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tipproponi lill-Ministru għall-Ambjent José Herrera biex il-Gvern jikkunsidra li jwaqqaf il-permessi għall-bini ta’ pompi tal-petrol ġodda fuq art ODZ.
Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt, ir-rapport li l-Ministru Herrera se jippubblika fil-jiem li ġejjin fih għadd ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika eżistenti li ddaħħlet fl-2015.
L-Awtorità qed tirrakkomanda biex artiklu 3.2 (g) tal-politika preżenti dwar il-pompi tal-petrol titneħħa. Dan ikun ifisser li titneħħa referenza li żvilupp ta’ pompi ġodda bħal dan jista’ jsir fuq art ODZ.
Mill-banda l-oħra, is-sorsi kkonfermaw li l-artikli 4.1 u 4.2 dwar rilokazzjoni ta’ pompi tal-petrol qed iħalli l-bieb miftuħ li dawn jitpoġġew fuq art ODZ.
Rakkomandazzjoni oħra li l-Ministru għandu f’idu hi dik id-distanza bejn pompa tal-petrol u oħra. L-Awtorità qed tirrakkomanda li d-distanza bejn pompa u oħra tiżdied.
L-ERA ilha xahrejn li nfurmat lill-Ministru bil-proposti tagħha.
L-istess sorsi qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-politika l-ġdida kif rakkomandata mill-ERA tista’ tkun ta’ tħassib għal nies li jaħdmu fil-qasam minħabba li din ma tagħtix garanzija li l-applikazzjonijiet pendenti jiġu aċċettati.
Spjegaw li teżisti l-opportunità li l-politika l-ġdida ma tapplikax għall-applikazzjonijiet pendenti imma tapplika biss għall-applikazzjonijiet li jiġi sottomessi wara li tiddaħħal fis-seħħ.
Fil-preżent, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa għadd ta’ applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol kemm fuq art għall-iżvilupp u anki ‘l barra mill-iżvilupp (ODZ).
Waħda minnhom hija dik fil-limiti ta’ Ħal Luqa u li deċiżjoni dwarha ġiet diferita wara li grupp ta’ attivisti daħlu għall-għarrieda waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Applikazzjoni oħra tinsab fl-Iklin u li għaliha l-Kunsill Lokali tal-Iklin diġà oġġezzjona. Is-Sindku tal-Iklin Anthony Dalli sostna li ma’ hemm l-ebda raġuni leġittima li l-pompa tal-petrol għandha ssir f’dan is-sit ODZ.
Fil-Parlament, il-Ministru Ian Borg kien ikkonferma li ma hemm l-ebda applikazzjoni għall-pompa tal-petrol f’Għawdex.