AQRA t-tweġiba sħiħa tal-Gvern lill-Parlament Ewropew

Il-Gvern ħejja rapport estensiv biex iwieġeb għar-rapport li kien għamlu l-Kumitati PANA u LIBE.
F’rapport ta’ 44 paġna li ppubblika l-ewwel Newsbook.com.mt (aqra hawn taħt) il-Gvern ċaħad diversi rakkomandazzjonijiet iebsa dwar il-governanza f’Malta.
Il-Gvern isostni li r-rapport juri nuqqas ta’ għarfien dwar l-irwol tal-istituzzjonijiet Maltin.
Jisħaq li l-Gvern Malti qed jiġi kritikat dwar strutturi u proċeduri li jesegwixxu stati oħra membri tal-Unjoni Ewropea.
Ikompli jirrimarka li fir-rapport li sar mid-delegazzjoni, kien jinkludi informazzjoni sensittiva dwar il-ħidma tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus. Sostna li dan mingħajr awtorizzazzjoni.
Filwaqt li enfasizza li jinsab lest għal diskussjoni kif jista’ jtejjeb l-istituzzjonijiet fil-pajjiż, il-Gvern esprima d-dubji dwar il-legalità tad-delegazzjoni, fost l-oħrajn minħabba l-mod kif ħadmet.
Il-Gvern qal ukoll li l-membri tad-delegazzjoni injoraw ir-riformi li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ħames snin.
Fir-rapport tagħhom li ppubblikaw fil-ġimgħat li għaddew, il-Membri Parlamentari Ewropej li ffurmaw id-delegazzjoni saħqu fost l-oħrajn li għandha ssir investigazzjoni fuq ir-rispett lejn il-liġi f’Malta, li jiġi investigat il-Bank Pilatus u li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru jirriżenjaw.
Intant, fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li kien ukoll membru tad-delegazzjoni, iddeskriva bħala farsa, il-mod kif fi kliemu l-Gvern ipprova jiġġustifika n-nuqqasijiet fir-rapport tal-MEPs. Saħaq li hija tal-mistħija kif fi kliemu l-Gvern qed jipprova jxejjen ir-relevanza tar-rapport.
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal fi tweet, li l-Gvern qed ifarfar ir-rakkomandazzjonijiet tal-MEPs, minflok jieħu azzjoni biex isalva r-reputazzjoni ta’ Malta.

L-abbozz tar-rapport tista’ taqrah hawn taħt.