Esklussiva: Newsbook jippubblika r-reġistru tar-rigali

Il-Gvern jammetti li hemm inventarju

Newsbook.com.mt qiegħed jippubblika b’mod sħiħ ir-reġistru tar-rigali datat 8 ta’ Marzu 2013 li jagħti tagħrif dettaljat tar-rigali li rċevew Prim Ministri Nazzjonalisti u jindika wkoll kamra kamra fejn jinstabu l-istess rigali. Kif rappurtat minn Newsbook.com.mt ilbieraħ, ir-reġistru tar-rigali jagħti wkoll tagħrif dwar min kien ta r-rigal.

Id-data tar-reġistru hija lejlet l-elezzjoni tal-2013.

Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern it-Tnejn filgħaxija, l-ewwel intqal li “mhux minnu li l-Gvern sab reġistru tar-rigali fl-2013”, imbagħad aktar ‘l isfel qal li jeżisti inventarju tar-rigali “minn dinjitarji li ngħataw direttament lill-Istat”. Il-Gvern jidher li jrid jagħti x’jifhem li hemm differenza bejn wieħed u l-ieħor, minkejja li m’hemmx.

Fl-istqarrija tal-Gvern ingħad li l-Gvern Nazzjonalista ma kienx tah handover ta’ reġistri. Newsbook.com.mt jikkonferma li r-reġistru li qiegħed jippubblika jinsab għand uffiċjali tas-servizz pubbliku fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Meta Newsbook.com.mt reġa’ tkellem mas-sorsi tiegħu dawn ikkonfermaw li l-policy fi żmien prim ministri Nazzjonalisti kienet li r-rigali kemm jista’ jkun jingħataw lill-President u mhux lill-Prim Ministri apparti kotba u frames bir-ritratti ta’ valur limitat. Meta rigal kien ikun akbar minn ċertu valur allura kien jidħol fl-inventarju.

Għar-reġistru tar-rigali agħfas hawn

Għall-istqarrija sħiħa tal-Gvern agħfas hawn