Esklussiva: Lukanda fid-Dwejra l-unika proposta għas-sejħa tal-PM

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet proposta waħda għas-sejħa internazzjonali li saret bejn Settembru 2017 u Jannar ta’ din is-sena. Din il-proposta, li potenzjalment toħloq monopolju, saret minn żviluppatur Għawdxi bl-intenzjoni aħħarija li tinbena lukanda f’barriera li tinsab viċin id-Dwejra.

L-unika proposta li rċieva dan il-kumitat kienet dik ta’ Joseph Portelli, żviluppatur Għawdxi li kien involut f’għadd ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta.

Is-sejħa kienet għal proposti dettaljati dwar kif il-Gvern seta’ jiżviluppa Dwejra Heritage Park b’kwalunkwe mezz possibbli biex id-Dwejra f’Għawdex tingħata aktar promozzjoni. Din is-sejħa kienet issemmiet għall-ewwel darba mill-Prim Ministru u sejħilha bħala “inizjattiva internazzjonali” u repetuta minn erba’ Ministri waqt konferenza tal-aħbarijiet ġurnata wara li waqgħet it-Tieqa tad-Dwejra.

Għal dan l-għan, il-Gvern kien ħatar Kumitat ta’ Evalwazzjoni biex jevalwa l-proposti li jidħlu. Dan il-kumitat evalwa l-proposta li rċieva f’xahrejn biex sal-aħħar ta’ Marzu ħejja r-rapport. F’Ġunju, il-Kumitat ippreżenta r-rapport lill-Bord tal-ERA fejn hemmhekk bdiet id-diskussjoni dwar dan il-proġett.

Proġett bi sħab mal-Gvern

Minn informazzjoni li ġabar Newsbook.com.mt jidher li l-pjan ta’ Portelli għad-Dwejra huwa mifrux fuq medda ta’ għaxar snin u jiffoka fuq Public Private Patnership (PPP), proġett bi sħab mal-Gvern.

Għal dawn l-għaxar snin, Portelli qed jipproponi li minbarra n-negozjati mal-awtoritajiet u mar-residenti, jsir il-bini ta’ ċentru għall-viżitaturi, Transport Interchange, ċentru għall-bugħaddasa, mużew interattiv u ċentru għall-osservazzjoni tas-sema u lukanda.

Il-barriera li fiha hemm proposta l-lukanda

Fl-aħħar snin, l-iżviluppatur tal-proġett akkwista l-art li fuqha hemm barriera mdaqqsa, kbira madwar 30,000m2. Din il-barriera tinsab biswit it-triq ewlenija li minn San Lawrenz tagħti għad-Dwejra, iktar ‘l isfel miċ-Ċimiterju ta’ San Lawrenz.Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li Portelli akkwista l-barriera oriġinarjament biex tintuża bħala miżbla għat-terrapin tal-kostruzzjoni. Minbarra l-lukanda u faċilitajiet oħra, Portelli qed jippjana li fl-istess żona jkollu sala għall-konferenzi, faċiltà li bħalissa f’Għawdex għad m’hemmx.

Google Maps

Min hu Joseph Portelli?

Joseph Portelli huwa żviluppatur Għawdxi minn Nadur. Il-kumpanija tiegħu, Joseph Portelli Projects kienet l-unika kumpanija li għamlet proposta għas-sejħa internazzjonali biex tizviluppa Dwejra Heritage Park. L-istess kumpanija kienet involuta f’għadd ta’ proġetti ta’ żvilupp kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, bl-aħħar wieħed ikun Mercury Towers, binja għolja f’Paceville.

Mercury Towers kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja minħabba li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat dan it-torri ta’ aktar minn 30 sular. Kemm l-għaqda Din l-Art Ħelwa u anki s-Sindku ta’ San Ġiljan kienu tkellmu kontra dan il-proġett. Id-dettalji ta’ dan il-proġett ġew żvelati aktar kmieni dan ix-xahar mill-kumpanija ta’ periti internazzjonali, Zaha Hadid Architects.

[interaction id=”5b780fbdafc9e451711cc049″]