Aġġornata: L-MCAST iwaqqaf l-istrajk tal-MUT

Fl-aħħar ħin, l-amministrazzjoni tal-MCAST għamlet mandat ta' inibizzjoni kontra l-Unjin tal-għalliema, l-MUT biex twaqqaf l-istrajk li kellu jsir bejn għada u l-Ġimgħa.
Sorsi infurmati qalu ma' Newsbook.com.mt li l-mandat ta' inibizzjoni ġie aċċettat b'mod proviżorju mill-Qorti.
Jidher li kawża tal-azzjoni legali, l-istrajk li kellu jsir għada u l-Ġimgħa u d-direttivi kollha twaqqfu ħesrem.
Min-naħa tagħha, l-MUT ħarġet sejħa għall-konferenza tal-aħbarijiet li mistennija ssir għada fid-9am fl-entratura prinċipali tal-MCAST f'Raħal Ġdid, filwaqt li l-MCAST qed isejjaħ lill-midja fl-10am fil-Board Room tal-istitut.
L-MCAST tikkonferma
Intant, fi stqarrija, l-MCAST ikkonferma li l-Qorti laqgħet il-mandat ta' inibizzjoni. Qal li jifhem u japprezza d-dritt għal azzjonijiet industrijali, iżda jħoss li l-azzjonijiet ma jistgħux iseħħu waqt li għadhom għaddejin diskussjonijiet biex jigi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid.
L-MCAST qed isostni li dawn id-direttivi tal-MUT “huma abbużivi u llegali u jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv”.
Qal ukoll li huwa d-dmir tal-amministrazzjoni li “jissalvagwardjaw l-interess tal-isudenti speċjalment meta dawn mhumiex u m’għandhom qatt ikunu suġġetti għall-ebda konsegwenzi ta’ negozjati”. 
L-istqarrija tal-MCAST ittemm b’appell lill-MUT biex terġa’ lura madwar il-mejda għal aktar taħdidiet biex jintlaħaq ftehim. L-MCAST qal li dan għandu jwassal għall-kundizzjonijiet “ferm aħjar” għall-istaff akkademiku tal-MCAST.
Il-KNŻ jħeġġeġ lill-partijiet involuti biex jilħqu ftehim
Iktar kmieni l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ħeġġeġ lill-partijiet involuti fit-tilwima industrijali li hemm għaddejja fl-MCAST biex jilħqu ftehim. Il-Kunsill filwaqt li wera x-xewqa li tintlaħaq soluzzjoni li minnha jmur tajjeb kulħadd, sejjaħ lill-amministrazzjoni tal-MCAST biex taċċerta ruħha li l-istudenti ma jkunux milquta b'mod negattiv.
Fl-aħħar ġranet, Newsbook.com.mt segwa mill-qrib is-sitwazzjoni fl-MCAST.