Esklussiva: L-eks Ministru Anton Refalo jrid ikompli jibni f’ODZ

Mart iċ-Ċerpersin ta’ Heritage Malta u eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo applikat biex tibni lukanda b’sebat ikmamar fuq art ODZ fil-Qala.

Bejn l-1998 u llum, medda art f’Tal-Malvi, limiti tal-Qala, inbidlet għal kollox. Minn art rurali bi struttura modesta aktarx b’rabta agrikola, l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qed tixtarr applikazzjoni għal lukanda.

L-applikazzjoni hija ta’ Lina Refalo, mart l-eks Ministru Laburista Anton Refalo. Madanakollu kien l-eks Ministru li applika għall-ewwel darba biex jiżviluppa l-bini eżistenti f’Marzu tal-2001, u fl-2004 applika biex jibni pixxina viċin ir-residenza.

Fuq din l-art saru diversi applikazzjonijiet u sanzjonijiet, iżda mill-2009 l-applikazzjonijiet fuq din l-art saru dejjem taħt isem is-Sinjura Refalo.

Bl-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar, Refalo qed titlob biex dar residenzjali b’żewġt ikmamar tinbidel f’lukanda ta’ żewġ jew tliet stilel. Iż-żieda fil-kmamar tkun kemm fl-ewwel pjan kif ukoll f’kantina li trid tiġi skavata wara li joħroġ il-permess.

Il-binja mistennija li jkollha kantina għall-inbid (wine cellar) f’għar naturali li jinsab fl-istess żona.

Għalkemm biex jopera lukanda l-applikant irid iġib il-permessi meħtieġa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), dawn mhumiex mitluba mill-Awtorità tal-Ippjanar biex joħroġ il-permess meħtieġ għall-iżvilupp.

Il-politika rurali tal-Awtorità tal-2014, tagħti permess lill-applikant ta’ bini fl-ODZ, biex isir żvilupp sħiħ ta’ sular taħt l-art li jkopri l-istess żona li tkun ġiet żviluppata fuq l-art.

Il-proċess tal-permessi beda fl-2001
Il-proċess biex l-Awtorità tissanzjona l-bini li kellu Anton Refalo beda f’Mejju tal-2001.
F’Novembru 2001, il-Case Officer kien irrakkomanda li dan il-permess kellu jiġi rifjutat. L-applikazzjoni ġiet rifjutata fi Frar 2002, iżda f’Ottubru tal-istess sena, il-Bord tal-MEPA laqa’ t-talba għar-rikonsiderazzjoni, ċaħad id-deċiżjoni oriġinali u mar kontra d-deċiżjoni oriġinali billi approva l-permess.
Fl-2004, l-applikazzjoni ta’ Anton Refalo għall-bini ta’ pixxina fuq art ODZ kienet ġiet approvata.

Azzjoni ta’ infurzar mill-MEPA fl-2009
Fl-2009, uffiċjali tal-MEPA kienu għamlu azzjoni ta’ infurzar fuq il-bini u kienu sabu li kien hemm żvilupp mhux skont il-permess li kien ingħata fl-2004.
L-uffiċjal tal-infurzar kien sab li l-iżvilupp kien jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ ġibja, varjazzjonijiet fil-pavimentar u ħitan tas-sejjieħ li ma kienx skont kif indikat fil-pjanti approvati.
L-Awtorità kienet tat il-permess biex tissanzjona l-iżvilupp illegali.

Il-permessi matul is-snin…
2001 – Il-MEPA tissanzjona bini illegali.
2004 – L-eksMinistru Anton Refalo japplika biex jibni pixxina.
2009 – Jingħata l-permess f’isem Lina Refalo, mart l-eksMinistru Refalo, biex tiġi emendata l-iskema ta’ landscaping u biex jiġi rregolarizzat il-ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni.
2014 – Jingħata l-permess għat-tiġdid tal-permess li kien ingħata fl-2009.
2018 – Applikazzjoni ġdid biex minn dar residenzjali b’żewġt ikmamar tinbidel f’lukanda ta’ sebat ikmamar.

Ir-rappreżentazzjonijiet inkluż oġġezzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan l-iżvilupp, jistgħu jsiru sat-8 ta’ Ġunju li ġej.