​ESKLUSSIVA: “Irridu niżviluppaw politika bbażata fuq ir-riċerka” – Dr Adrian Delia

Il-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN, Dr Adrian Delia, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Akkademja għall-Iżvilupp ta' Ambjent Demokratiku trid tkun aġent ta’ bidla bil-għaqal għall-partit u għall-pajjiż.
Dr Delia spjega li taħt it-tmexxija tiegħu, l-AŻAD se jieħu rwol ċentrali: “Tlabt biex jitħejja pjan dwar kif l-AŻAD jista’ jiġi trasformat f’ċentru ta’ ħsieb politiku, skola politika, ċentru kulturali u ċentru ta’ djalogu soċjali.”
Qal li ċ-ċentru irid jiġi trasformat f’think tank awtonomu li jattira l-aqwa ħassieba u esperti fl-oqsma politiċi, fosthom il-familja, l-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa.
“Dawn il-ħassieba  għandhom jgħinuna naslu għal soluzzjonijiet maħsuba għall-isfidi politiċi  li qed niffaċjaw u jgħinuna wkoll niżviluppaw politika bbażata fuq ir-riċerka, li jippermettulna nippreżentaw kritika kostruttiva u fl-istess waqt gvern alternattiv.,” kompla Dr Delia.
“L-ewwel proġett ikun studju soċjoloġiku dwar is-soċjetà Maltija”
Spjega li l-ewwel proġett tat-think tank ikun studju soċjoloġiku li jagħti stampa ċara ta’ kif inbidlet is-soċjetà, kif jaħsbuha l-Maltin u kif faxex differenti qed jiffaċċjaw realtajiet differenti.
Minbarra l-aspett akkademiku, Dr Delia jara li jissaħħu l-kumitati u l-fergħat tal-partit biex minnhom jingħata spazju akbar ta’ parteċipazzjoni lill-attivisti waqt li jinħolqu fora ta’ djalogu, permezz ta’ seminars u diskussjonijiet li joffru ideat ġodda lill-Partit.
Il-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN jispjega li se jitlob li tinħoloq pjattaforma diġitali li tistieden il-kontribut għall-iżvilupp tal-politika tal-partit. 
“Bir-riċerka u l-istudji tal-ħassieba u l-esperti f idejna u bi djalogu kostruttiv mall-istrutturi kollha tal-partit, mas-soċjetà ċivili u maċ-ċittadini nkunu nistgħu imbaghad infasslu viżjoni politika li turina fejn irridu nieħdu ‘l pajjiżna fis-snin li ġejjin,” jispjega Dr Delia.
Kompla li l-AŻAD għandha tkun skola politika li tkompli tiżviluppa l-ħiliet tal-attivisti inkluż il-membri parlamentari, il-kunsilliera lokali, u l-membri tal-kumitati u l-ferghat tal-partit.  Semma kif fl-istess waqt l-AŻAD għandha wkoll tagħmel scouting għal talent politiku ġdid u żgħażugħ. Wara toffrilhom it-taħriġ u b’hekk il-partit ikompli jiġġedded.
Fl-aħħarnett, Dr Adrian Delia qal li l-AŻAD u l-binja tagħha għandhom iservu ta’ ċentru ta’ kultura u arti u jagħti spazju lit-talent lokali.