Esklussiva: Ir-regolament jgħid li l-kanzunetta rebbieħa tista’ tinbidel – Ira Losco

Skont ir-regolament tal-Malta Eurovision 2016 hemm possibbiltà li l-kanzunetta Chameleon, li biha l-kantanta Ira Losco rebħet il-festival tal-lejla jsirilha tibdil parzjali jew tinbidel kompletament.
F’intervista esklussiva, ir-rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest Ira Losco qalet li fir-regolamenti dan kien ċar mill-bidu u kull parteċipant kien jaf b’dan minn qabel.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv ta' PBS Anton Attard ikkonferma wkoll li din il-klawżola ilha snin inkluża fir-regolamenti tal-Malta Song. Din is-sena wkoll kien hemm mniżżel ċar li l-għan ewlieni tal-festival kien li tingħażel l-artista mhux il-kanzunetta.
“Kull bidla li ssir se ssir bil-għaqal u mhux għalxejn! Se nesploraw possibbiltajiet differenti u naħdmu pass pass fuq dan. Mhux qed ngħidu li se tinbidel bilfors imma se nesploraw u nikkritikaw il-kanzunetta u naħdmu fuqha bit-tama li ntejbu l-prodott!”
Howard Keith Debono, il-manager ta’ Ira, saħaq li dan it-tibdil mużikali jsir b’mod normali u kontinwament fl-industrija tal-mużika. 
L-intervista sħiħa ma' Ira se tixxandar għada filgħodu fil-11am waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm T’Għomru Qasir fuq RTK. 
Ritratt u filmati: Charlene Azzopardi