​Esklussiva: Il-Maġistrat li se tisma’ l-kumpilazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Maġistrat Charmaine Galea se tkun qed tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tat-tliet akkużati mixlija bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li semmiet aktar minn darba fil-kitbiet tagħha lil Dr Galea, fost l-oħrajn dwar li kienet taħdem fl-uffiċju legali tal-eksdeputatmexxej Laburista Toni Abela, li nħatar Imħallef.
Infurmati wkoll li l-Maġistrat Galea telgħet bil-polza għall-ħabta tal-4pm, wara li kmieni llum waranofsinhar, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech laqgħet it-talba tad-difiża biex ma tismax il-kumpilazzjoni tax-xhieda, wara li qabel kellha tibda tisma’ x-xhieda, iddikjarat li sal-1983 kienet l-iskola ma’ waħda mill-aħwa tal-vittma, u li minn dakinhar il-kuntatt bejniethom kien biss li jawguraw lil xulxin f’għeluq sninhom. Iddikjarat ukoll li fl-aħħar xhur, skambjaw ukoll kondoljanzi, hekk kif it-tnejn li huma tilfu membru tal-familja fl-istess żmien.
Dr Charmaine Galea għandha 40 sena u nħatret Maġistrat fl-14 ta’ Ġunju 2013, meta nħatru wkoll Antonio Mizzi bħala Mħallef u Aaron Bugeja bħala Maġistrat. Hija kienet tispeċjalizza fil-liġi ċivili u tal-familja, u ħadmet ukoll fl-Uffiċċju tal-Prim Imħallef.