Esklussiva: “Għandi l-provi” – Efimova

Maria Efimova, l-eksimpjegata tal-Bank Pilatus u l-whistleblower fil-każ Egrant saħqet li għandha provi li juru l-innoċenza tagħha.
F’intervista esklussiva waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, l-ewwel waħda tat-tip tagħha fuq stazzjon tar-radju f’Malta, l-omm Russa spjegat kif minkejja li għandha l-provi, meta kienet Malta qatt ma ngħatat l-opportunità li tippreżentaha u għaldaqstant ħasset li hemm bżonn titlaq mill-pajjiż biex tipproteġi lil familtha.
Hija kienet qed tirreaġixxi dwar meta ġiet interrogata mill-Pulizija f’Malta fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Bank Pilatus, allegazzjoni li l-Pulizija ċaħdet kategorikament. Iżda waqt l-intervista llum, Efimova insistiet li wieħed seta’ jivverfika dan faċilment mill-filmati tal-kameras tas-sigurtà li hemm fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Qalet li r-rappreżentanti preżenti mill-Bank Pilatus kienu Dr Claude-Anne Sant Fournier, il-Kap tal-Affarijiet Legali tal-Bank u l-Kap Eżekuttiv Hamidreza Ghanbari u li mill-kameras jidhru deħlin fil-kwartieri u jibqgħu hemmhekk.
Kompliet tgħid li hi ppreżentat evidenza li tissapportja l-akkuża li għamlet, kif fi kliemha hu mitlub f’każi bħal dawn.
Fl-intervista esklussiva, ma’ Fr Joe Borg u Manuel Delia, Efimova qalet ukoll li mill-informazzjoni li għandha hi, sid il-Bank Pilatus Ali Sadr Hasheminejad hu verament ħati tal-akkużi li wasslu għall-arrest tiegħu fl-Istati Uniti
F’April tas-sena li għaddiet, Maria Efimova kienet għaddiet dokumenti lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, li  allegatament juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta’ Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Hi kienet qalet li sabet id-dokumenti f’sejf fil-kċina tal-Bank Pilatus. Kemm-il Prim Ministru kif ukoll martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet.