ESKLUSSIVA: Filmat fejn għexu l-immigranti għal jiem sħaħ

Kien kważi telaq kulħadd. L-aħħar ftit nies kienu għadhom abbord il-vapur, fosthom tifel ixejjer u jitfa’ l-bews.

Dan esperjenzajtu lbieraħ waranofsinhar fuq il-vapur Aquarius fir-Rampa tal-Isla, wara li tniżżlu l-parti l-kbira tal-141 persuna fosthom 38 tifel u tifla taħt il-15-il sena, li ġew salvati mill-ibħra internazzjonali bejn Malta u l-Italja.

Newsbook.com.mt tela’ abbord l-bastiment MV Aquarius. Jana mill-organizzazzjoni mhux governattiva SOS Mediterranee ħaditna dawra mal-bastiment u spjegat fid-dettall kif issir il-ħidma ta’ tiftix u salvataġġ.

In-nisa u l-irġiel: Fejn hu posthom fuq il-vapur?

Dawk li jkunu għadhom kemm ġew salvati jinqasmu bejn nisa u rġiel. In-nisa għandhom spazju ddedikat għalihom fejn ma jitħallewx jidħlu l-irġiel, saħansitra membri tal-ekwipaġġ sakemm ma jkunx hemm emerġenza. Wara din il-kamra hemm kamra oħra fejn in-nisa jistgħu jmorru għall-konsultazzjonijiet mediċi u jagħmlu testijiet biex jaraw jekk humiex tqal. L-irġiel min-naħa l-oħra jmorru f’post ieħor fejn jkun hemm infermier jilqagħhom biex jarahom. Hi spjegat kif huma jieħdu nota ta’ nazzjonalitajiet, ġeneru, etajiet u kemm huma vulnerabbli malli jitellgħuhom fuq il-bastiment.

Wara l-inċident ta’ Ġunju li għadda meta Aquarius ma tħalla jiddaħħal fl-ebda port imbagħad salpa lejn Valenzja, żdiedu d-doċoċ fuq il-bastiment. Jana spjegat kif b’hekk ikunu qed jagħtu iktar dinjità lil dawk preżenti.

Aquarius huwa mikri f’isem l-għaqda SOS Mediteranee u jaħdmu flimkien ma’ Medicins Sans Frontiers (MSF). L-ekwipaġġ huwa ta’ madwar 30 persuna kull darba li joħorġu fuq missjoni tat-tfittxjia u salvataġġ.

L-bastiment Aquarius telaq minn Malta llum.

Mission Lifeline

Aqra iktar hawn.