​Esklussiva: Caritas Malta dwar il-legalizzazzjoni tal-kannabis

Caritas Malta stqarret it-tħassib serju tagħha għal kull forma ta’ legalizzazzjoni għall-użu, hekk imsejjaħ, rikreazzjonali tal-kannabis, waqt li faħħret il-fatt li d-diskussjoni dwar l-użu mediċinali tal-kannabis qed issir b’mod għal kollox separat.
Caritas Malta għamlet din l-istqarrija f’dokument li ppreżentat lill-whips tal-grupp parlamentari Laburista u dak Nazzjonalista, f’Diċembru li għadda.
Newsbook.com.mt qiegħed b’mod esklussiv jippubblika dan ir-rapport.
Dwar l-użu rikreazzjonali tal-kannabis, Caritas Malta qalet li għandha ħafna xhieda bbażati fuq l-esperjenza tagħha ta’ 30 sena ħidma f’dan il-qasam, li juru b’mod ċar li ssir ħsara serja jekk jittieħdu xi passi biex l-użu u l-bejgħ tal-kannabis isir eħfef milli hu llum. 
Id-dokument tal-Caritas jagħmilha ċara li l-istess konklużjoni wieħed jasal għaliha kemm jekk joqgħod fuq riċerka serja u soda  kif ukoll jekk jara x’ġara f’pajjiżi oħra.
Mill-banda l-oħra l-Caritas tappoġġja bis-sħiħ l-użu tal-kannabis biex jitnaqqsu l-uġigħ u t-tbatija li jsofru nies milquta minn diversi kundizzjonijiet.
F’dawn il-jiem il-Parlament Malti kien qed jiddiskuti l-legalizzazzjoni tal-kannabis bħala mediċina. Waqt id-dibattitu l-Prim Ministru qal li huwa personalment favur l-użu tal-kannabis għal raġunijiet hekk imsejħa rikreazzjonali. 
Waqt il-programm Newsline, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Stellini qal li huwa kontra li tiġi legalizzata l-kannabis għall-użu rikreazzjonali waqt li l-Membru Parlamentari Laburista Glen Bedingfield qal li jrid jistudja aktar il-materja.
Aqra r-rapport sħiħ tal-Caritas hawn taħt.