Esej flok vjaġġ lejn Malta minħabba l-pandemija; studenti Ingliżi jilmentaw

The Sunday Times

Żewġ studenti fl-Ingilterra qegħdin jitolbu li jingħataw flushom lura wara li kellhom jiġu Malta bħala parti mill-kors tagħhom, iżda l-vjaġġ tħassar minħabba l-coronavirus.

Rapport maħruġ f’The Sunday Times ilbieraħ jgħid li ż-żewġ studenti f’Nottingham Trent University qegħdin jilmentaw wara li ngħataw assenjament x’jagħmlu minflok il-vjaġġ li kellhom għal Malta għal ħamest ijiem.

L-iskop tal-vjaġġ tagħhom kellu jkun li jaraw il-bini Barokk fil-Belt Valletta peress li huma jistudjaw l-arkitettura. Kellhom joqogħdu f’lukanda f’San Pawl il-Baħar.

L-istudenti kitbu lid-Dekan tal-iskola tal-arkitettura fi ħdan l-Università, Andrew Knight, biex jingħataw kumpens. L-ittra ġiet iffirmata minn 11-il student. Dan wara li l-università ddeċidiet li minflok vjaġġ, l-istudenti jingħataw esej ta’ 2,500 kelma. Il-vjaġġ kien parti mill-prezz tal-kors ta’ sena ta’ £9,750.

Huma ġew infurmati li mhumiex se jingħataw flus lura, peress li l-kumpanija li organizzat il-vjaġġ ma kinitx se tagħti flus lura lill-università tal-ispejjeż tagħha. L-istudenti argumentaw li ħafna minnhom tħajru jagħżlu l-kors minħabba dan il-vjaġġ għal Malta, li kien inkluż ukoll fil-prospectus.

Id-Dekan infurmahom li l-università tagħti l-flus lura f’każijiet rari, bħal meta xi kors jitħassar. Fakkarhom li l-flus li ħallsu għall-kors kienu jkopru kollox, għalhekk ma jistgħux jagħtuhom ftit mill-ħlas lura.

Malta għalqet l-ajruport tagħha f’Marzu bħala waħda mill-miżuri meħudin kontra l-imxija tal-coronavirus. Dan l-aħħar, issa li Malta bdiet tillaxka wħud mill-miżuri, reġgħet qamet id-diskussjoni dwar jekk l-ajruport għandux jerġa’ jiftaħ. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) trid li l-Gvern jiftaħ l-ajruport sabiex it-turiżmu ma jitlifx id-dħul li jagħmel fix-xhur sajfin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn