Wirja dwar l-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina

Fl-okkażjoni tal-40 sena mill-Inkurunazzjoni solenni tal-istatwa devota ta’ Marija Bambina fix-Xagħra Għawdex, se tittella wirja dwar din il-ġrajja.

Fost it-taqsimiet, il-wirja se jkollha tagħrif ġenerali dwar it-tifsira tal-Inkurunazzjoni u l-avveniment innifsu. Se jkun hemm ukoll esebiti oġġetti storiċi, korrispondenza ma’ diversi personalitajiet, id-Digriet tal-Isqof bil-permess u imħadda tal-bellus li fuqha nġarret il-kuruna għaċ-ċerimonja, flimkien ma’ numru ta’ ritratti u cuttings tal-ġurnali.

Hemm ukoll il-kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż, u tista’ titgawda mill-qrib għall-ewwel jumejn tal-wirja. Fl-aħħarnett wieħed jista’ jsegwi dokumentarju viżiv marbut maċ-ċerimonja.  

Il-wirja, mtella’ miċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, tiftaħ għal pubbliku fil-31 t’Awwissu tibqa’ għadejja sa jum il-festa fit-8 ta’ Settembru.